Bosta residenti fir-Repubblika tal-Kongo jinsabu bla saqaf fuq rashom wara li żbroffa vulkan kbir fil-pajjiż, bl-isem ta’ Mount Nyiragongo.
Sa issa ġew irrappurtati minn tal-inqas ħmistax-il fatalità, imma n-numru mistenni jiżdied għax hemm bosta persuni rrappurtati nieqsa fl-iktar żoni milquta.
Uħud mietu f’inċidenti tat-traffiku fi sforzi biex jaħarbu min-nar, filwaqt li oħrajn inħarqu fil-lava.
Skont l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-UNICEF, aktar minn mija u sebgħin tifel u tifla huma rrappurtati nieqsa, u mal-mija u ħamsin oħra ġew separati minn ma’ familthom. Minħabba dan mistennija jitwaqqfu ċentri apposta biex jgħinu tfal li spiċċaw waħedhom.
Il-lava sparat biswit id-distrett ta’ Buhene, mal-konfini ta’ Goma, u ħalliet mijiet ta’ djar u bini kbir kompletament fi frak, li mistennija jieħdu xhur biex jitranġaw.