Illum jiġu rilaxxati numru ta’ miżuri oħra b’rabta mal-imxija fi pjan meqjus li ħabbar il-Gvern numru ta’ ġimgħat ilu biex nerġgħu lura għan-normalità b’mod għaqli u kawt.
Wara li ġimagħtejn ilu reġgħu fetħu r-ristoranti sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, illum dawn jistgħu jilqgħu lin-nies għall-ikla ta’ filgħaxija wkoll u jibqgħu miftuħin sa nofsillejl.
Mil-lum ukoll se jerġgħu jiftħu l-pixxini, il-gyms, iċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità u jkompli t-taħriġ tal-isport.
L-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa hu biex filwaqt li tkompli l-attività fl-imsemmija postijiet, jibqgħu jittieħdu l-miżuri preventivi, bħall-ilbies tal-maskra fejn possibbli, iż-żamma tad-distanza soċjali u l-ħasil spiss tal-idejn.