Hekk kif qed jonqsu r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija u l-anzjani reġgħu bdew joħorġu, l-appell huwa biex dejjem joqogħdu attenti ħalli jevitaw inċidenti ta’ serq.
Fi tweġiba Parlamentari ħareġ kif mill-2012 sal-bidu ta’ dan ix-xahar, ġew irrappurtati aktar minn 15,700 każ ta’ atti kriminali fuq anzjani ta’ aktar minn 65 sena.
Ir-reati jvarjaw minn dawk b’mezzi tat-teknoloġija, għal serq minn fuq persunthom, theddid, vjolenza domestika, frodi u anki omiċidji.
L-Ispettur mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, Lydon Zammit, qal kif l-aktar reati komuni fost l-anzjani huma s-serq fit-triq, li jissejjaħ mugging jew snatch theft, u serq minn ġod-djar.
Spjega kif fl-ewwel sitwazzjoni, is-serq ma jkunx organizzat minn qabel u ħafna drabi, l-aggressur ikun ispirat meta jara oġġetti fuq persuna li jista’ jisraq, bħal xi basket kbir jew ġojjelli.
L-ispettur Zammit stqarr, “Meta għandek il-persuna li jkun se jwettaq dawn is-serq, minkejja li jkun qed ifittex il-vittma tiegħu, ma jkunx ippjana li jattakka dik il-persuna partikolari iżda jkun qed idur l-area ħafna drabi biex jara jekk hemmx persuna – ħafna drabi vulnerabbli, anzjana – li jista’ jattakka.”
B’differenza, serq minn ġod-djar, jirrikjedi ppjanar.
Zammit kompla jgħid, “Fi xħin toħroġ mid-dar jekk għandha ħinijiet fissi meta toħroġ mid-dar, l-affarijiet li żżomm ġod-dar, it-tip ta’ kif tagħlaq il-bieb il-lock li għandha, kif issakkar, dawk affarijiet li ħafna drabi, biex tidħol ġo dar, il-persuna li ħa tidħol ġod-dar, trid tippjana iktar.”
Għaż-żewġ tipi ta’ reati, l-aktar appell kruċjali huwa biex l-anzjani ma jżommu qatt rutina.
L-ispettur saħaq, “Hija importanti li persuna ma taqbadx rutina, eżempju dejjem tmur l-istess ħin tixtri jew tgħaddi mill-istess toroq. Dik hija importanti biex bniedem ma jkunx jista’ jsegwi l-persuna.”
Min jara xi ħaġa li tista’ tidher suspettuża għandu jinforma mill-ewwel lill-Pulizija u bniedem m’għandu qatt iġorr affarijiet ta’ valur fuqu meta jagħmel il-qadi ta’ kuljum.
L-Ispettur spjega kif il-Victim Support Unit tal-Pulizija tibqa’ f’kuntatt mal-vittmi anki wara r-reat, u minkejja li ħafna drabi, il-valur tal-oġġett misruq ma jkunx kbir, ir-riperkussjonijiet u t-trawma psikoloġika, ikunu ferm akbar.
Zammit qal, “It-trawma tkun psikoloġika ħafna jiġifieri aħna kellna anzjani li kienu jgħixu ħajja indipendenti, imorru jixtru, imorru l-quddies, ħajja rutina ta’ kuljum, iżda sfortunatament wara l-inċident, spiċċaw ingħalqu ġod-dar u ilhom snin ma joħorġu.”
Fl-istess waqt, jaf ikun hemm ferita ikbar marbuta ma’ oġġett misruq b’valur sentimentali.
Hu stqarr, “Ħafna drabi niltaqgħu ma’ ħafna li jsemmulna l-valur sentimentali, ġiżirana tal-ġenituri tagħhom eżempju u jħossu dik il-weġgħa li xi ħaġa ta’ xi ħadd li jkunu tilfu tkun intilfet għal dejjem.”