Proġett li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa se jkun qed itejjeb il-kontroll fuq l-ilma tal-pjan biex jassigura l-kwalità tal-ilma u jnaqqas it-tniġġiż minn kimiċi li jistgħu jinżlu fl-ilma.
Il-Professur Ofer Dahan stqarr, “Malta is the first country in the world that implemented such system on a national scale with 14 systems distributed on the whole country to give indications on the quality of the water that is recharging the ground water.”
Il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Sensoil, li hija l-moħħ wara din it-teknoloġija ta’ monitoraġġ tal-ilma. Dan biex jiġi żgurat li l-kwalità u l-analiżi kontinwa tal-ilma tal-pjan.
Waqt żjara f’wieħed mis-siti, il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli rrimarkat l-importanza ta’ proġetti innovattivi bħal dan.
Hi saħqet, “Permezz ta din it-teknoloġija se jkolla l-opportunita li jekk ikun hemm tniġġis fl-ilma tal-pjan ikollna ċ-ċans nindunaw mal-ewwel u mhux inħallu ħafna snin jgħaddu.”
L-informazzjoni li se tasal minn din is-sistema qed tiffaċilita l-ħajja tal-bdiewa, għaliex se jkunu infurmati b’modi iktar effiċjenti kif japplikaw il-fertilizzanti fuq l-uċuh tar-raba’ tagħhom u anke kif jistgħu jiffrankaw l-ilma, b’tagħrif ibbażat fuq il-prattiċi eżistenti tagħhom, u b’hekk jippermetti aktar sostenibbiltà fis-settur.
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li qed isiru numru ta’ inizjattivi b’investiment ta’ madwar €24 miljun biex inżidu l-għarfien tal-pubbliku ġenerali dwar l-użu u l-importanza tal-ilma u tal-konservazzjoni ta’ din ir-riżorsa.
Is-Segretarju Parlamentari sostna, “Dan il-proġett huwa parti minn numru ta’ proġetti importanti biex naraw li jkollna konservazzjoni aħjar tal-ilma u jkollna użu aħjar u naraw li l-kwalità tibqa tajba.”