Illum Destiny kompliet bl-avventura tagħha tal-Eurovision f’Rotterdam.
Waranofsinhar kellha prova ġenerali oħra, din id-darba tal-finali u llejla prova oħra fejn fiha tivvota l-ġurija li tgħodd ħamsin fil-mija tar-riżultat finali.
Intant l-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision Song Contest, Destiny se tkun qed tkanta fis-sitt pożizzjoni fil-finali tas-Sibt.
Wara li l-Ħamis filgħaxija għaddew l-aħħar għaxar pajjiżi għall-finali, it-tim tal-produzzjoni tal-Eurovision f’Rotterdam ħareġ l-ordni ta’ kif se jipparteċipaw is-26 pajjiż finalist.
Dan wara polza li saret biex ikun magħruf jekk pajjiż jikkompetix fl-ewwel jew fit-tieni nofs tas-serata.
Qabel Malta se tkanta l-kantanta Russa u wara eżatt Malta se jitla’ fuq il-palk il-grupp mill-Portugall.
Skont l-aħħar żviluppi mid-djar tal-imħatri, l-Italja hija l-aktar favorita li tirbaħ il-Eurovision u l-grupp rock Måneskin se jkanta fl-erbgħa u għoxrin pożizzjoni.
Franza hija t-tieni l-aktar pajjiż favorit u Barbara Pravi se tkanta fl-għoxrin pożizzjoni.
Malta tinsab momentarjament fit-tielet post fost id-djar tal-imħatri.