Aktar min-nofs in-negozji li gawdew mill-miżuri tal-Gvern tad-diferiment tat-taxxa diġà bdew iħallsu lura t-taxxa dovuta b’lura, anki jekk il-pandemija għadha magħna.
Studju bejn mitejn u ħamsin negozju ppubblikat mill-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji wera kemm il-likwidità tan-negozji hija wħda b’saħħitha.
Fil-fatt kważi 60% tan-negozji Maltin ma kellhomx il-ħtieġa li jagħmlu użu mill-miżura tad-diferiment tat-taxxa tal-Gvern.
Min-naħa l-oħra 30% għamlu użu minnha filwaqt li 11% ma kinux jafu biha.
Dwar l-effetti tal-pandemija fuq in-negozji, il-Viċi President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Marcel Mizzi rrimarka kif min ġie bżonn dawn l-iskemi sab li kienu aċċessibli.
Huwa fisser: “Saqsejniehom ukoll kemm kienet diffiċli biex jieħdu l-bank moratorja pereżempju u d-differiment tat-taxxa u fil-fatt iktar milli stennejt jien kien hemm ftit li sabu problemi kbar.”
Mizzi tkellem ukoll dwar kif l-istudju juri li ħafna negozji qalbu għal sistemi online sabiex jibqgħu għaddejjin bin-negozju tagħhom.
Huwa sostna: “Waħda mill-affarijiet tajbin li jien nieħu gost biha għax mill-qasam tiegħi hija li l-online żdied drastikament, jiġifieri jekk kellha xi ħaġa tajba l-Covid hija dik naħseb. Fil-fatt is-sales online żdiedu ħafna, ħafna.”
Mizzi kompla jgħid kif għad hawn negozji li għadhom qed isibu sfidi kbar minħabba l-pandemija.
Fil-fatt tenna kif madwar 47% tan-negozji qed isibu din is-sena aktar ta’ sfida mis-sena li għaddiet.
Intant huwa temm jgħid li n-negozju lokali reġa’ beda jiċċaqlaq u mistenni jżid l-andament bil-wasla tat-turisti f’Ġunju u t-tnedija tat-tieni rawnd ta’ vouchers.
Mizzi saħaq: “In-negozju lokali qisu beda jiċċaqlaq ftit issa u bdiet daqsxejn ir-rota jiġifieri minn dak l-aspett. Nieħdu gost ukoll, fil-fatt ilbieraħ għamilna stqarrija li l-vaccination għaddejja tajba ħafna u ħa nilħqu l-herd immunity dan ix-xahar stess u din tajba immens.”