Il-ġurnalist veteran u eks Editur, Felix Agius miet fl-età ta’ 73 sena.
Feliċ, kif bosta kienu jsejħulu kien kiseb diploma fil-ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin.
Agius beda l-karriera fil-ġurnaliżmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press.
Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’.
Felix Agius għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-Isport qabel ma’ fl-1981 inħatar Editur tal-ġurnal ‘L-Orizzont’.
Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’ bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol.
Tul is-snin Felix Agius ta kontribut qawwi fil-ġurnaliżmu u anki bl-analiżi retta tiegħu, wassal ħsibijietu fi programmi differenti fuq ir-radju u t-televiżjoni.
Feliċ kien anki jikteb blogs fuq one.com.mt.
Intant il-Partit Laburista fi stqarrija sellem lill-eks ġurnalista u editur awtorevoli Felix Agius.
Il-Partit Laburista qal li jirrikonoxxi l-ħidma sfieqa ta’ Felix kemm fil-qasam ġurnalistiku u anke sabiex isawwar il-prinċipji soċjalisti b’saħħithom tal-Partit.
Il-Partit Laburista bagħat il-kondoljanzi sinċiera lill-qraba u dawk kollha qrib Felix.
Il-Prim Ministru Robert Abela, permezz ta’ Twitter sellem il-memorja ta’ Feliċ, li sejjaħlu bħala veteran li qatt ma beża’ mill-bidla.
ONE News jagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu u jrodd ħajr lil Feliċ, li bil-pariri u t-tagħlim siewi tiegħu, rawwem bosta ġurnalisti.