Raġel ta’ 42 sena nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ gravi lil ħuh, bi strument li taqta’ u bil-ponta u anke li hedded lil ħuh.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joanna Piscopo qalet kif ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-imputat mhi tajba xejn.
Intqal kif l-imputat huwa residenti fl-Isptar Monte Karmeli u li għandu l-vizzju tax-xorb.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, imma fuq diversi kundizzjonijiet.
Fost il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti hemm li jrid iħallas €500 f’depożitu, garanzija personali ta’ €4,000, ma jistax isiefer u ma jistax ikellem lix-xhieda li se tressaq il-prosekuzzjoni.
Dan apparti li jrid jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella ħarġet ordni ta’ protezzjoni f’isem l-allegat vittma.
Il-Qorti talbet ukoll għall-divjett minħabba l-istat tas-saħħa mentali tal-akkużat.