B’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro, l-Istitut tat-Teknoloġija Spazjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, flimkien ma’ QuAero, qed jaħdmu fuq żewġ proġetti ewlenin ta’ riċerka li huma ‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’.
‘TOUCH-FLIGHT’ huwa kunċett fejn il-bdot jikkontrolla ajruplan minn tablet b’touch screen jew bil-vuċi. B’hekk il-bdot ikun jista’ jikkontrolla s-sistemi abbord l-ajruplan b’mod iktar immedjat u komdu. Min-naħa l-oħra ‘SmartAP’ tibni fuq il-kunċett ta’ ‘TOUCH-FLIGHT’ biex b’hekk l-Università ta’ Malta u QuAero Ltd. issa qed jiżviluppaw pakkett ta’ teknoloġiji li jistgħu jintroduċu bidla sostanzjali fil-mod ta kif il-bdoti jikkontrollaw l-ajruplan, kif ukoll is-sigurtà waqt it-titjira.
Il-Professur u l-Inġinier David Zammit spjega li dawn il-proġetti jużaw l-intelliġenza artifiċjali biex jgħinu lill-bdoti jieħdu deċiżjonijiet waqt it-titjira. Huwa spjega li waqt li dawn il il-kunċett japplika għall-kategoriji kollha tat-titjiriet, iż-żewġ proġetti huma immirat partikolarment għall-ajruplani l-kbar tal-passiġġieri.
Qal, “Niżviluppaw teknoloġija ta’ kif nistgħu nagħmlu lill-bdot jista’ jtajjar ajruplan b’mod aktar sigur u effiċjenti.”
Il-Professur spjega li ix-xogħol ta’ ‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’ jibnu fuq riċerka kollaborattiva internazzjonali oħra, primarjament taħt il- qafas tal-Unjoni Ewropea, fejn l Università ta’ Malta ħadmet għal aktar minn ħmistax-il sena ma’ kumpaniji ewlenin Ewropej fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal Thales, Alenia u Airbus.
Waqt iż-żjara tiegħu fl-Istitut fl-Università, il-Ministru għar-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici spjega li l-Istitut tat-Teknoloġija Ajruspazjali għandu rwol ewlieni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Spjega, “Nitfgħu l-isem ta’ pajjiżna fuq il-mappa tal-prodotti li jagħmlu differenza kbira fis-setturi tagħhom. Pereżempju, hawn f’dan id-dipartiment, fejn qed jiġu koperti fondi ta’ riċerka, qed jagħmlu żewġ proġetti ġodda, innovattivi li jtejbu s-sigurtà u l-faċilitajiet tal-bdot fuq l-ajruplan.”