L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq qegħda twettaq xogħol ta’ restawr fuq il-koppla tal-każin bil-għajnuna ta’ fondi Ewropej mill-programm LEADER.
Servizzi Ewropej iffaċilitat biex jinġiebu mas-sebgħin elf ewro minn fondi Ewropej biex tiġi rrestawrata din il-koppla.
Is-Segretarju tal-għaqda mużikali San Ġużepp spjega x’jinvolvi ix-xogħol ta’ restawr fuq din il-koppla.
Qal, “Fejn l-għaqda volontarja permezz tal-assistenza minn Servizzi Ewropej Malta bbenefikat minn fondi biex inkunu nistgħu nirrestawraw il-koppla tal-każin. Xogħol li kien jirrikjedi li nindirizzaw problemi strutturali kif ukoll xogħol ieħor ta’ tibjid, kisi u tisbiħ ta’ din l-istruttura li għandi warajja.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Fondi Ewropej qegħdin jieħdu ħsieb li jippreservaw il-wirt kulturali ħaj li għandna fil-gżejjer Maltin.
Zrinzo Azzopardi żied jgħid li dawn il-proġetti jinkludu installazzjoni ta’ lifts f’dan il-każin biex b’hekk inkomplu nżidu aktar postijiet fil-komunità li huma aċċessibbli.
Spjega, “Huwa xogħol verament interessanti li nistgħu ngħidu għandna xhieda oħra ta’ kif fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-programm LEADER qegħdin jintefqu fil-qalba tal-komunità”
Il-Kap ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon spjegat kif l-aġenzija tgħin għaqdiet bħall-Għaqda Mużikali ta’ Ħal Għaxaq f’dik l-imbuttatura li jkunu jeħtieġu biex japplikaw għall-fondi Ewropej, li mhux dejjem ikun faċli għalihom li jagħmlu minħabba l-limitazzjonijiet fir-riżorsi li jkollhom