N(h)ar, instalazzjoni artistika li qed isebbaħ ir-roundabout tal-Proġett tal-Mini ta’ Santa Luċija, li tlesta aktar kmieni din is-sena bejn Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid.
L-isem ta’ dan ix-xogħol artistiku jgħaqqad żewġ kelmiet: nar u nhar, li għandhom tifsira ta’ progress u t-tama, kuntrarjament għad-dlam, li jirrappreżenta l-inċertezza.
L-istruttura hija magħmula minn kolonni tal-azzar li jitilgħu mal-erba’ metri ‘l fuq u li nħadmet minn I+A, tim ta’ periti u artisti lokali; u hija waħda minn sittax-il biċċa xogħol artistika li ntgħażlu għal żoni ta’ tisbiħ fi proġetti ta’ Infrastructure Malta, wara sejħa internazzjonali li saret mill-aġenzija s-sena li għaddiet, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
L-installazzjoni fiha 120 kolonna tal-azzar, ħerġin mill-art u jilħqu għoli differenti, f’riflessjoni tal-moviment fluidu ta’ fjammi. Billejl, dawn jiddu bħal raġġi ta’ tama.
Fi stqarrija, Infrastruttura Malta qalet li s-sena l-oħra l-aġenzija ikkollaborat ukoll mal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST biex nediet l-ewwel gallerija tal-arti fil-beraħ f’Malta, billi qed tipprovdi spazju alternattiv għall-arti f’nofs il-ġnien vertikali tal-Marsa-Ħamrun Bypass. Kollaborazzjonijiet simili għal lokalitajiet oħrajn qegħdin jiġu ppjanati ma’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.