Il-Ministru Carmelo Abela kiteb kif qed jiltaqgħu l-istrateġiji tal-Partit Nazzjonalista u kriminali li jridu jixtru l-libertà.
Reġa’ kien il-Ministru nnifsu li fuq facebook kiteb bl-iktar mod trasparenti dwar is-suġġett.
Qal li wara li beda proċeduri legali l-Qorti kontra Jason Azzopardi u t-Tnejn li għadda mar minn jeddu għand il-Pulizija, jidher li wieħed mill-aħwa Degiorgio, għamel referenza għalih mal-pulizija b’rabta mal-każ tal-HSBC tal-2010.
“Nerġa nikkonferma li jiena dwar dan il-każ qatt ma kont investigat,” kiteb Abela li saħansitra xejjen għal kollox allegazzjonijiet li saru wara verifiċi li għamel.
“Minn verifiċi li għamilt, jirriżulta li, meta snin ilu kont xehedt il-Qorti, għamilt dan mhux għax il-pulizija ħarrket lili imma għax il-pulizija ħarket rappreżentant tal-bank u tlajt nixhed f’isem il-bank,” kiteb Abela.
Il-Ministru żied li issa, kif inhu xieraq, il-pulizija kellmitu dwar dak li issa semma wieħed mill-aħwa Degiorgio.
“Weġibt ghal kull domanda għax m’ghandi xejn x’naħbi u rrid li toħroġ il-verità sħiħa,” qal il-Ministru Abela li żied kif fl-istess ħin se jibqa’ jieħu l-passi kollha biex jiġġieled din il-gidba faħxija.
Finalment saħaq li se jinsisti bil-qawwa li min għamel tiegħu din il-gidba, primarjament il-Kap tal-Oppożizzjoni, għandu jerfa’ r-responsabbiltá sħiħa flimkien mad-deputat Jason Azzopardi ladarba l-verità tkun ikkonfermata kollha.
Jason Azzopardi u Bernard Grech wrew fl-aħħar ġimgħat li lesti jassoċjaw ruħhom fl-istrateġiji tal-kriminali biex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom. Huwa evidenti li hemm kollaborazzjoni bejn esponenti tal-PN u l-kriminali; min jipprova jixtri l-liberta’ u min jipprova jixtri l-poter.