Fl-1 ta’ Ġunju se tidħol fis-seħħ ir-riforma tal-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 wara li t-Tlieta din għaddiet mill-Parlament. Din, anke fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, se toffri stabbiltà u protezzjoni lill-inkwilin u ġustizzja lis-sid tal-post, fl-istess ħin li tassigura li ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasha.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din hi l-akbar riforma soċjali fl-istorja li toffri wkoll soluzzjonijiet affordabli, b’ qafas legali li jirrifletti r-realtajiet tal-lum.
Qal, “L-akbar sodisfazzjon hu li għall-ewwel darba għandna gvern li qed jerfa’ l-piż tal-kirijiet minn fuq is-sidien. Dan ifisser ħafna għaliex mhux biss se jkollna inkwilini protetti u b’serħan il-moħħ. Qed nagħtu wkoll kumpens ġust lis-sidien.”
Din il-liġi mistennija taffettwa l-ħajja ta’ għexieren ta’ eluf ta’ inkwilini u sidien ta’ madwar 9,700 dar. Issa l-kirijiet se jkunu stabbiliti minn bord apposta, sa tnejn fil-mija tal-valur liberu tal-propjetà.
Il-Ministru Galdes fakkar ukoll li fl-2018 il-Gvern kien nieda White Paper għall-konsultazzjoni dwar riforma fil-liġi tal-kera li kellha l-ħsieb tirregola lis-settur. Din wittiet it-triq għal dawn ir-riformi għaliex issaħħu l-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali u drittijiet aħjar lis-sid u l-inkwilin tal-post.
Spjega, “Konna daħħalna mbux biss il-bank ċentrali imma nvolvejna l-istakeholders kollha u stajna noħolqu bilanċ ġust. Illum għandna riżultat professjonali u jien konvint li l-liġi se tkun pass importanti ‘l quddiem u waħda mill-akbar riformi soċjali li għamel Gvern Laburista.”
Issa li r-riformi se jidħlu fis-seħħ, l-Awtorità tad-Djar se tibqa’ toffri għajnuna jew informazzjoni b’rabta mal-kirjiet qabel l-1995.