Illejla l-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision Song Contest, Destiny, se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fl-ewwel semifinali.
Hija se tkun qed tkanta l-kanzunetta ‘Je me Casse’ fis-sittax-il pożizzjoni (l-aħħar kanzunetta), bit-tama li llejla tagħmilha mal-ewwel għaxra u b’hekk tgħaddi għas-serata finali tas-Sibt li ġej.
F’Ahoy Arena f’Rotterdam l-Olanda, ilbieraħ Destiny kellha żewġ provi ġenerali fejn fit-tieni waħda vvutat il-ġurija, li għandha nofs il-piż tar-riżultat sħiħ.
Ilbieraħ filgħaxija, Destiny kienet kostretta tkanta darbtejn wara problemi tekniċi fit-tagħmir li jidħol f’widnejha.
Jirriżulta li mhux Malta biss kellha dawn il-problemi tekniċi iżda l-kantanti tar-Rumanija u tal-Ukrajna wkoll ingħataw iċ-ċans jerġgħu jagħmlu l-wirja tagħhom.
Fil-prova ġenerali ta’ filgħaxija Destiny kienet eċċezzjonali bħal dejjem u madwar tlett elef ruħ fis-sala li kienu preżenti laqgħu b’ċapċip kbir il-kanzunetta Maltija.
Destiny reġgħet kienet liebsa minn fuq s’isfel kulur il-fidda iżda xagħarha din id-darba kien bi stil li nafuh iżjed fuq il-kantanta Maltija.
Illejla ma’ Malta se jikkompetu l-Litwanja, l-Islovenja, ir-Russja, l-Iżvezja, l-Awstralja, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Irlanda, Ċipru, in-Norveġja, il-Kroazja, Belġju, l-Iżrael, ir-Rumanija, l-Ażerbajġan u l-Ukrajna.