Illum waranofsinhar, l-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision Song Contest, Destiny kellha l-ewwel prova ġenerali tagħha f’Ahoy Arena, f’Rotterdam, l-Olanda.
Mill-ewwel ritratti u filmati li dehru fuq il-midja soċjali, il-kantanta Maltija biddlet id-dehra tagħha, fejn issa liebsa totalment kulur il-fidda, bil-boots b’kollox.
Destiny impressjonat bil-vuċi qawwija tagħha waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetta tagħha ‘Je Me Casse’.
Destiny setgħet titla’ fuq il-palk tal-Ahoy Arena fl-Olanda, wara li hi u d-delgazzjoni Maltija rriżultaw fin-negattiv għall-Covid-19.
Bħala prekawzjoni, ilbieraħ Destiny ma tħallitx tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ wara li membru mid-delegazzjoni tal-Iżlanda rriżulta fil-pożittiv u qed jgħix fl-istess lukanda fejn qiegħda d-delegazzjoni Maltija.
Intant illejla, Destiny se tkun qed terġa’ tkanta fit-tieni prova ġenerali fejn fiha tivvota l-ġurija.
Il-ġurija għandha nofs il-piż tar-riżultat finali.
Destiny trid tiġi mal-ewwel għaxra biex tgħaddi għas-serata finali tas-Sibt.
Skont l-aħħar żviluppi mid-djar tal-imħatri, Malta hija t-tielet l-aktar favorita wara l-Italja u Franza biex tirbaħ il-Eurovision Song Contest.