Tmiem il-ġimgħa li għadda kien wieħed tajjeb għall-gżira tat-tliet għoljiet, b’ħafna mir-ristoranti Għawdxin kienu mimlija għall-ikliet ta’ Nofsinhar, partikolarment il-Ħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu spjega l-andament pożittiv f’Għawdex speċjalment bejn il-Ġimgħa erbatax ta’ Mejju u l-Ħadd sittax ta’ Mejju.
Is-Sur Joe Muscat stqarr magħna: “Dan in-numru ta’ Maltin inħass ukoll fl-istabbilimenti tagħna, l-aktar fl-istabbilimenti dawk li joffru l-catering fosthom, ir-ristoranti. Akkodomazzjoni wkoll, numru ta’ Maltin li jużaw l-akkodomazzjonijiet Għawdxin.”
Is-Sur Muscat spjega li l-miżuri t’għajnuna li ġew imħabbra matul il-pandemija għenu u taw stimolu lill-ekonomija u appella li jibqgħu jiġu osservati l-miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, biex b’hekk il-pandemija tkompli tiġi mrażżna u r-rota tibqa’ ddur.
Huwa sostna: “Aħna nixtiequ naraw li kulħadd juża kawtela matul dan is-sajf li ġej sabiex dan is-sajf inkunu nistgħu naħdmuh kollu kemm hu. Bil-fatt illi jkollna numru ta’ barranin li jiġu fostna, kif ukoll ikollna Maltin jaqsmu lejn Għawdex. Nisperaw li dan ikun sajf illi jkun il-bidu ta’ rkupru sħiħ tal-industrija turistika f’Għawdex.”
Ċifri li kiseb ONE News juru li bejn il-Ġimgħa 14 ta’ Mejju u l-Ħadd 16 ta’ Mejju, qasmu l-fliegu aktar minn tnejn u erbgħin elf u mitejn persuna bil-vapuri tal-Gozo Channel.
Il-port taċ-Ċirkewwa kien l-aktar attiv il-Ġimgħa fejn telqu lejn Għawdex aktar minn tmien t’elf u sitt mitt persuna filwaqt li kif mistenni l-aktar jum bieżel fil-port tal-Imġarr kien il-Ħadd.
Fil-fatt il-Ħadd telqu mill-port tal-Imġarr ftit inqas minn ħdax-il elf persuna.
Fi tmiem din il-ġimgħa qasmu bejn iż-żewġ gżejjer qrib it-tmintax-il elf karozza u saru iżjed minn mitejn u ħamsin vjaġġ.
Dan kollu seħħ wara li nhar it-Tnejn għaxra ta’ Mejju, pajjiżna għamel pass eqreb lejn in-normalità u tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex.
Fuq il-vapuri tal-Gozo Channel xorta wieħed ried iżomm ma’ ċertu protokolli għat-trażżin tal-imxija.