In-numru ta’ pjanti u siġar li tpoġġew fid-daħla tal-Belt bħala parti mill-Valletta Green Festival, se jibqgħu hemm b’mod permanenti.
Dan ikkonfermah iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef.
Huwa qalilna, “Kwart ta’ dak li nkunu qed naraw fil-Valletta Green Festival, il-wegħda tagħna kull sena hi li dan ikompli jitgawda fit-toroq tal-Belt. Naħseb hija idea sublimi ħafna u mnebbħa mill-fatt li meta għamilna dan il-ġnien temporanju, it-talba tal-pubbliku kienet assolutament biex jitħallew hawnhekk.”
Micallef spjega wkoll li dan hu proġett riversibbli li jista’ wkoll jingħata dehra ġdida jekk ikun xieraq.
Huwa sostna: “Jekk irridu nċaqalquhom jew nagħtuhom stil jew disinn differenti, dan hu proġett riversibbli u minn materjal riċiklat. Il-ħsieb hu li meta nagħmlu xi ħaġa f’ġojjel bħal dan, nirrispettaw l-arkitettonika tal-post, u nagħmlu l-affarijiet kif suppost.”