Hekk kif ħabbar ilbieraħ fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, min-nhar it-Tnejn se jidħlu fis-seħħ miżuri biex tittaffa l-problema tat-traffiku li jkun ħiereġ mill-Kottonera u l-lokalitajiet tal-madwar lejn il-Belt Valletta.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan se jseħħ wara pressjoni li saret mal-kumpanija Mediterranean Maritime Hub, li hija l-kumpanija li se tiżviluppa ċentru marittimu f’Dock 7, fil-Marsa.
Permezz ta’ dan il-ftehim, min-nhar it-Tnejn li ġej, il-Mediterranean Maritime Hub se tipprovdi rotta temporanja ‘one-way’, li se tkun qed ittaffi l-problema tat-traffiku ta’ filgħodu li joħroġ mill-inħawi tal-Kottonera, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, il-Fgura u Raħal Ġdid fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta.
L-aċċess temporanju se jkun aċċessibbli għal vetturi privati u mhux għal vetturi kbar minħabba l-limitazzjonijiet tas-sit. Dan l-aċċess se jkun miftuħ bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa matul il-ħinijiet ta’ filgħodu bejn is-6.00a.m. u d-9.30a.m.
Din it-triq se tintuża b’mod temporanju sakemm fix-xhur li ġejjin, jitlesta xogħol infrastrutturali fuq rotta alternattiva li mistennija tibqa’ fis-seħħ b’mod permanenti wara li l-Mediterranean Maritime Hub aċċetta li tingħata parti mill-perimetru tal-art privata li se tkun qed tiġi żviluppata biex tkun tista’ tinbena triq ġdida.
Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, beda xogħol preparatorju biex tinħoloq triq indipendenti li tgħaddi bejn l-imħażen tal-eks-Malta Shipbuilding u ċ-ċint ta’ Triq Sir Paul Boffa. Din it-triq hija intenzjonata li tiffunzjona bħala “tidal lane” biex tgħaqqad Telgħet Raħal Ġdid ma’ Albert Town.
Iċ-Chairman ta’ Transport Malta, James Piscopo rringrazzja lil kull min ħadem fuq din is-soluzzjoni prattika li nstabet fi żmien qasir. Piscopo jtenni l-impenn li għandha Transport Malta illi fejn hu possibbli, soluzzjonijiet “short-term” sabiex tittaffa l-problema tat-traffiku jinstabu u jiġu implimentati minnufih. Jinnota wkoll li dan kien it-tieni investiment fl-akwati wara t-tidal lane tal-Marsa u huwa ħolqa oħra f’investimenti li wettqet Transport Malta primarjament il-proġett tal-Kappara li għandu jsolvi bottleneck ewlieni fuq in-naħa l-oħra tal-pajjiż.
Temm jgħid li l-problema tat-traffiku hija waħda reali li taffettwa n-nies u li hemm il-ħtieġa ta’ investiment akbar fl-infrastruttura u f’inizjattivi pożittivi favur mezzi oħra tat-trasport.