Fix-xhur li ġejjin mistenni jibda l-proġett ta’ Slow Streets f’43 lokalità f’Malta u f’Għawdex, wara li fil-jiem li għaddew ġie fi tmiemu l-istudju ma’ Transport Malta.
Slow Streets huwa kunċett ta’ użu ta’ trasport alternattiv fiċ-ċentri tal-irħula u 11 -il Kunsill lokali f’Għawdex u 32 Kunsill f’Malta għażlu li jissieħbu f’dan il-proġett.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava saħaq li dan il-proġett mistenni jħajjar lir-residenti Maltin u Għawdxin sabiex jużaw trasport alternattiv fir-raħal tagħhom.
Fava stqarr, “Qed nagħtu prijorità lil mezzi oħra ta’ trasport bħall-użu tar-rota, tal-iscooters, il-mixi u allura qed nagħmlu miżuri temporanji fil-lokalitajiet sabiex ir-residenti jagħmlu użu minn spazji miftuħa u anke oħrajn.”
Dan il-proġett, li bosta huma ħerqana għalih biex jibda, mistenni jerġa’ jdaħħal fit-toroq Maltin il-kunċett ta’ tfal ferriħija jilagħbu barra mingħajr l-istorbju tal-karozzi.
Hu qal, “Qegħdin naraw li f’ċertu żonu u ċertu ħinijiet tal-ġurnata u f’ċertu ġranet tal-ġimgħa dawn ikunu magħluqin għall-karozzi biex hemm isiru attivitajiet għat-tfal u mmorru lura għal dak li konna mdorrijin f’dari fejn it-tfal jilagħbu fit-toroq u anke jkun hemm attivitajiet anke għall-artisti fit-toroq biex isir użu aħjar għat-toroq.”
Mario Fava qal li issa mistennija jibdew jitwaħħlu bosta tabelli sabiex ir-residenti jibdew jidraw dan il-kunċett maż-żmien.
Il-Proġett Slow Streets lanqas se jkun ta’ xkiel għan-negozji u l-persuni b’diżabilità.
Hu temm jgħidilna, “F’dan il-proġett qed naraw ukoll li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq il-komunità tan-negozju, iġifieri fejn hemm aċċesibilità għall-ħwienet u persuni b’diżabilità u parkeġġi dawn mhux se jintmessu.”