Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħalef li se jkompli jattakka lill-militanti tal-Hamas f’Gaża, li qed jibqgħu jisparaw ir-rokits lejn bliet Iżraeljani.
Dan hekk kif dan l-aħħar kunflitt imdemmi bejn il-Lhud u l-Palestinjani issa daħal fis-seba’ jum tiegħu.
“Se nibqgħu nattakkaw sakemm hemm bżonn u qed isir dak kollu meħtieġ biex kemm jista’ jkun ma jinqatlux persuni ċivili iżda t-tort ta’ dan kollu li nqala’ mhux tagħna imma ta’ min qed jattakkana”, saħaq Netanyahu f’indirizz fuq it-televiżjoni.
Kmieni dalgħodu l-attakki mill-ajru mill-qawwiet Iżraeljani fuq Gaża qatlu tliet Palestinjani.
Intant militanti Palestinjani sparaw rokits fid-direzzjoni ta’ Tel Aviv fejn kawża ta’ hekk ir-residenti kellhom ifittxu kenn f’xelters tal-gwerra.
Il-komunità internazzjoni talbet għat-tmiem ta’ dan il-kunflitt li kull jum qed ikompli jeskala.
Is-Sibt, il-President Amerikan Joe Biden tkellem permezz tat-telefon ma’ Netanyahu u mal-President tal-Awtorità Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, Mahmoud Abbas.
Biden esprima t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Illum, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda mistenni jiltaqa’ u jiddiskuti s-sitwazzjoni bejn Iżrael u l-Palestinjani.
Mindu reġa’ faqqa l-ġlied, mietu mija tmienja u erbgħin persuna f’Gaża u għaxar persuni Iżraeljani.
Fost il-persuni li nqatlu f’Gaża hemm wieħed u erbgħin tifel u tifla.