B’investiment ta’ €30,000, id-doppju tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Żgħażagħ nediet il-programm tas-sajf għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Miriam Teuma spjegat li hemm tliet programmi prinċipali.
“It-tliet programmi li qegħdin inniedu huma tliet programmi ta’ tranżazzjoni li qegħdin fil-verità jħeġġu liż-żgħażagħ li kienu fil-primarja u telgħin għas-sekondarja jew mill-iskola medja għas-sekondarja, jew dawk li qegħdin fis-sekondarja u sejrin għall-edukazzjoni terzjarja l-idea hi li dawn il-programmi jgħinuhom biex ikollhom kunfidenza u jkunu jistgħu jibdew is-sena skolastika li ġejja aħjar.”
Ma’ dawn il-programmi, hemm tlieta oħra.
Fl-ewwel wieħed, bl-isem ta’ ‘Sound on’, l-istudenti jitgħallmu dwar ix-xandir bir-radju.
It-tieni jismu ‘Take action through photos’ fejn iż-żgħażagħ se jitgħallmu jieħdu r-ritratti.
Fit-tielet programm, ‘Award in youth leadership’, iż-żgħażagħ mistennija jiksbu ħiliet ta’ tmexxija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima saħaq li l-ħiliet li se jiksbu ż-żgħażagħ f’dawn il-programmi se jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum.
“Bħala Gvern permezz tal-Aġenzija Żgħażagħ ridna nkunu proattivi u propju nħarsu lejn dak li huwa meħtieġ miż-żgħażagħ tagħna.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli qalet li b’dawn il-programmi, mistennija jintlaħqu madwar sitt mitt żagħżugħ u żagħżugħa.
“L-għan tal-programmi huwa biex nagħtu l-ħiliet li jħeġġu liż-żgħażagħ tagħna biex jaslu biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod seren u b’mod żagħżugħ ukoll.”