Refuġjata Palestinjana, illum tgħix f’pajjiżna iżda familtha kollha tgħix fl-istrixxa ta’ Gaża qaltilna li qed tibża’ li minn ħin għall-ieħor tirċievi aħbar kerha billi jċemplulha u jgħidulha li miet xi ħadd għażiż għaliha.
Dima Elnahhal, qalet magħna kif hija għandha l-qraba f’Gaża, fejn ta kuljum qed iċċemplilhom.
Qalet, “I’m from Gaza, all my family is there. So just you don’t want to get a phone call and saying that someone was killed.”
Intant attivista favur il-kawża Palestinjana spjegatilna li qed imutu diversi tfal u nies innoċenti fil-kunflitt li għaddej fil-Lvant Nofsani.
L-attivista favur il-kawża Palestinjana, Nadine Hazzouri qaltilna kif dan il-kunflitt reġa’ beda wara li l-Iżraeljani daħlu fil-Moskea ta’ Al Aqsa f’Ġerusalemm waqt iż-żmien qaddis tar-Ramadan.
Qalet, “Daħlu Gaża wkoll, qabdu l-istess, jitfgħu bombi bl-addoċċ fid-djar, residenzi fejn jgħixu n-nies innoċenti, mietu xebgħa tfal, mietu xebgħa nies, anzjani, minn kollox jiġifieri. Imma dawn it-tfal żgħar x’tort għandhom biex imutu jew x’tort għandhom li jispiċċaw mingħajr familja.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta talab biex il-komunità internazzjonali twaqqaf il-ġlied u biex il-poplu Palestinjan ikollu l-art tiegħu.
L-Ambaxxatur Palestinjan irrikonoxxa li Malta ilha tisħaq għal paċi.
Qalet, “Malta has been a supporter for humanitarian of having scholarships and Malta has offered to mediate negotiations between Israeli and Palestinians throughout the Maltese governments.”