L-Awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li dan is-sajf, il-festi tradizzjonali li jittellgħu f’kull belt u raħal fil-gżejjer Maltin u Għawdxin mhux se isiru minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Waqt il-bullettin Mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li l-festi esterni huma sitwazzjonijiet fejn jinġabru l-masses.
Aċċennat li pajjiżna jrid jibqa’ kawt u attivitajiet tal-massa huma s-sors prinċipali għat-tixrid tal-virus.
Qalet, “Il-festi kif diġà avżajna, aħna qegħdin f’fażi ta’ pandemija. Qegħdin fis-sitwazzjoni li qegħdin kemm b’mezzi ta’ mitigazzjoni kif ukoll bl-ammont ta’ persuni li qegħdin jitlaqqmu. Allura naraw li mhemmx post għal fejn ikun hemm mass activities għaliex hemmhekk tkun qed iġġib persuni li ikunu qrib ta’ xulxin u allura hemmhek tkun qed iżid ir-riskju.”
Wara li tkellem il-Professur Gauci, il-Kurja ħarġet stqarrija fejn qalet li l-festi reliġjużi fil-Knejjes, jiġifieri l-festi ta’ ġewwa se jsiru b’konformità mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Kurja spjegat li l-purċissjonijiet tal-festi jistgħu jsiru biss jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jawtorizzawhom bħala attivitajiet permessi.
Intant ma’ dan l-istazzjon tkellem l-Assistent Segretarju fi ħdan l-Għaqda Każin Banda San Filep, Philip Edrick Zammit.
Zammit spjega li għalkemm hija weġgħa ta’ qalb li mhux se jkun jista’ jgawdi l-festa kif normalment igawdiha, jemmen li din kienet l-aħjar deċiżjoni biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija darba għal dejjem.
Zammit esprima s-sodisfazzjon li għalkemm il-festi brijużi tas-sajf ġew mħassra, il-każini tal-baned Maltin u Għawdxin irċievew għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex tittaffa d-daqqa tal-pandemija.
Spjega, “Kienet waħda ta’ sostenn, fejn tatna raġġ ta’ tama sabiex inkomplu naħdmu kif nistgħu għal festi futuri.”
Dawk li dawn iż-żminijiet ta’ festi jkunu qed jistennewh ta’ kull sena, jkollhom jistennew sena oħra, bit-tama li dan iż-żmien jgħaddi u l-ġimgħa tal-festa tasal biex tiġi mfakkra l-festa tal-qaddis tar-raħal, bil-ħoss tal-banda jakkumpanja l-vara.