B’investiment ta’ mitejn elf ewro, il-park tal-Inwadar fin-Nofshinar ta’ Malta se jara żona ta’ rikreazzjoni ġdida għall-familji Maltin.
Fuq medda ta’ mitejn metru kwadru u b’xeni mill-isbaħ tal-baħar Malti, din iż-żona se sservi ta’ post apposta fejn il-familji jkunu jistgħu jagħmlu BBQs.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur ta’ Parks Malta spjega fiex se jkunu qed jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet.
Qal, “Hawnhekk huwa sit terazzin li huwa spazju miftuħ li kien abbandunat. Il-ħsieb huwa li jiġi kreat BBQ area sabiex il-pubbliku minflok jagħmel BBQs sporadiċi jkun ikkonċentrat f’din iż-żona. Se jkun hemm sitt BBQ pits u se jkun hemm bankijiet.”
Is-sit identifikat bħalissa jinsab fi stat ta’ abbandun iżda bix-xogħol li qed isir se jiġi aċċessibli wkoll għal min juża s-siġġu tar-roti.
Il-Ministru għall-Iżvilupp sostennibli Miriam Dalli qalet kif dan il-Park huwa frekwentat bil-bosta, speċjalment fiż-żmien tas-Sajf u qalet kif dawn ix-xogħlijiet mhux se jservu ta’ danni għall-ambjent u l-blat tal-madwar.
Spjegat, “Dan huwa spazju kreattiv ieħor għall-familji fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna. Din iż-żona hija qrib il-baħar u hija żona li hija mfittxija ħafna mill-familji, għażilna area li diġà hija disturbata biex l-iżvilupp li jsir ma jħallix impatt negattiv fuq l-ambjent u qegħdin naraw xi abbużi li saru bħal dawk li jħallu l-faħam tal-BBQ’s u plastik.”
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll li f’dawn ix-xogħlijiet mhu se ssir l-ebda installazzjoni ta’ dawl biex iż-żona titħalla fl-istat naturali tagħha.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindki ta’ Wied il-Għajn, ta’ Ħaż-Żabbar u tax-Xgħajra u ċ-Chairman tal-Bord tal-Governanza tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar.