Malta rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Il-konvenzjoni kienet approvata mill-Kabinett, bl-istrument ta’ ratifika ffirmat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo. L-istrument ta’ ratifika ġie ppreżentat mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela matul laqgħa mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Guy Ryder f’laqgħa li saret fil-binja tal-ILO f’Ġinevra, l-Iżvizzera.
Il-konvenzjoni tagħraf il-kontribut sinifikanti ta’ ħaddiema domestiċi fl-ekonomija dinjija, li jinkludi opportunitajiet ikbar ta’ xogħol imħallas għal nisa u rġiel b’responsabbiltajiet familjari, skop ikbar għall-ħarsien ta’ popolazzjonijiet ikbar fl-età, tfal u persuni b’diżabilità, kif ukoll trasferiment sostanzjali ta’ dħul fi ħdan u bejn pajjiżi differenti.
Il-konvenzjoni tagħraf li xogħol domestiku qed ikompli jkun sottovalutat u inviżibbli, li jsir primarjament minn tfal u nisa, li ħafna minnhom jew ikunu immigranti jew membri ta’ komunitajiet żvantaġġjati u li huma vulnerabbli partikolarment għal diskriminazzjoni fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew abbużi oħra ta’ drittijiet tal-bniedem.
Tfakkar ukoll li l-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u rakkomandazzjonijiet oħra japplikaw għall-ħaddiema kollha, inkluż il-ħaddiema domestiċi. Tagħraf ukoll il-kundizzjonijiet speċjali li soġġett għalihom isir xogħol domestiku biex ikunu appoġġjati standards ġenerali bi standards speċifiċi għal ħaddiema domestiċi għall-benefiċċju tagħhom.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-konvenzjoni hija impenn tanġibbli biex ikunu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Tul il-laqgħa tiegħu mas-Sur Ryder, il-Ministru Abela spjega l-passi li ħa l-Gvern Malti tul il-pandemija sabiex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi tal-ħaddiema permezz ta’ għajnuniet lill-intrapriżi sabiex iżommu l-ħaddiema u biex imorru lura lejn in-normalità malajr kemm jista’ jkun.
Tenna li pajjiżna se jkompli jaħdem biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, kif ukoll biex noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol u xogħol ta’ kwalità, u nkomplu nsaħħu r-relazzjoni ta’ Malta mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Il-Ministru Abela kien akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra Christopher Grima.