Il-Militar Iżraeljan intensifika l-attakki f’Gaża, hekk kif il-Militanti Palestinjani komplew jisparaw ir-rokits lejn l-Iżrael għall-ħames jum konsekuttiv.
L-armata tal-Iżrael qalet li l-forzi tal-ajru u tal-art kienu nvoluti fl-attakki tal-Ġimgħa imma ma daħlux f’Gaża.
Aktar minn mitt persuna nqatlu f’Gaża u sebgħa fl-Iżrael mindu intensifika l-ġlied it-Tnejn.
Sadanittant, gruppi ta’ Għarab-Iżraeljani u Lhud infexxew fi ġlied bejniethom fl-Iżrael, f’mossi li qed iħeġġu lill-President iwissi dwar gwerra ċivili.
Il-Ministru tad-Difiża Benny Gantz ordna azzjonijiet massivi ta’ infurzar hekk kif fl-aħħar jiem ġew arrestati aktar minn erba’ mitt persuna.