F’Malta waslu ż-żewġ katamarani tal-fast ferry li se jibdew jaqsmu bejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex għall-Belt mill-ewwel ta’ Ġunju li ġej.
Il-vjaġġ mistenni jieħu inqas minn tliet kwarti u kull katamaran b’tul ta’ erbgħin metru se jgħabbi sa tlett mitt passiġġier.
Fil-Port il-Kbir, il-Ħamis filgħaxija dehru deħlin iż-żewġ opri tal-baħar b’investiment ta’ għaxar miljun ewro fuq bastiment, xena li fissret ħidma kbira biex finalment dan is-servizz jibda jiġi offrut lill-Għawdxin, lill-Maltin u anke lit-turisti.
L-opri tal-baħar, li nbnew fl-elfejn u tmintax u li ngħataw l-ismijiet ta’ Your Faith u Your Wisdom, huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija moderna.
Fl-istqarrija li ntbagħtet mill-kumpanija Gozo Fast Ferry, intqal li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiġi ppubblikata l-iskeda ta’ kif se jaħdmu l-katamarani kif ukoll in-noll tal-vjaġġ.
Il-kumpanija żiedet tgħid li fuq il-katamarani se jkun hemm is-sigurtà kollha għall-passiġġiera, aċċess għas-siġġijiet tar-roti u anke se jħallu ċiklisti jitilgħu abbord bir-rota tagħhom.
Din l-aħbar ġabet ir-reazzjoni wkoll tal-Ministru għat-Trasport Ian Borg kif ukoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li t-tnejn li huma qalu kif permezz tal-fast ferry se tiżdied u tissaħħaħ il-konnetività bejn iż-żewġ gżejjer.
Fi stqarrija l-Għaqda Studenteska Għawdxija, il-GUG wkoll kienet laqgħet l-aħbar tal-fast ferries bejn il-gżejjer. Infatti dan is-servizz tant mistenni, se jtaffi wkoll mill-iskariġġ ta’ bosta studenti u ħaddiema Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu lejn il-port taċ-Ċirkewwa.