L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li rċieviet 141 applikazzjoni għall-iskema Green Your Building, li permezz tagħha residenti jistgħu jħaddru l-faċċata ta’ darhom. L-iskema kienet ġiet estiża b’xahar f’April li għadda wara talbiet mir-residenti.
L-iskema tħaddmet b’kollaborazzjoni wkoll mal-Ministeru għall-Ambjent, u jidher li kienet l-aktar popolari fil-Mosta, fin-Naxxar, u f’Birkirkara.
Kull propjetà se tibbenefika sa massimu ta’ għaxart elef ewro grazzi għal investiment ħolistiku fl-iskema li jlaħħaq il-miljun u mitejn elf ewro.
Din kienet l-ewwel skema tan-natura tagħha, u tirrifletti l-impenn tal-Awtorità tal-Ippjanar għal aktar proġetti dwar ekoloġija sostenibbli biex titjieb il-ħajja tal-komunità.
Il-fondi marbuta mal-iskema ġew iġġenerati minn ħlasijiet tal-applikazzjonijiet għal regolarizzazzjoni li jissottomettu s-sidien tad-djar.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia laqa’ b’sodosifazzjon is-suċċess tal-ewwel skema ta’ Green Your Building, u nnota wkoll li din qed timxi id f’id ma’ skemi oħra fis-suq li lkoll għandhom l-għan itejbu l-infrastruttura ħadra u sostenibbli madwar il-pajjiż.
Huwa stqarr: Dan hu l-mod ta’ kif aħna, f’katina sħiħa ta’ skemi u inizjattivi biex inħaddru pajjiżna. Urban Greening, ġonna vertikali, u din intlaqtet tajjeb ħafna mill-familji. Se nħares ‘il quddiem biex iktar skemi jkunu fis-suq, fosthom anke fwar roof gradens biex niffinansjawhom fiż-żmien li ġej.