L-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision Song Contest, Destiny għadha kif temmet it-tieni prova tagħha.
Hija dehret b’libsa differenti kulur il-fidda u żammet il-buz roża.
Iż-żeffiena baqgħu lebsin roża.
Wara l-prova tagħha fuq il-palk, Destiny qalet li tħossha komda bil-libsa l-ġdida u tinsab kuntenta.
Hekk kif Destiny għamlet it-tieni prova, Malta reġgħet qabżet fl-ewwel post fost id-djar tal-imħatri.
Franza li tinsab wara Malta se jkollha l-kantanta tagħha tagħmel l-ewwel prova llejla.
Destiny issa jmissha terġa’ titla’ fuq il-palk f’Ahoy Arena, f’Rotterdam nhar it-Tnejn li ġej għax żewġ provi ġenerali fejn dik tat-Tnejn filgħaxija tivvota l-ġurija.
Il-ġurija għandha 50% tal-piż tar-riżultat finali.
Destiny qed tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta “Je Me Casse”, fl-ewwel semifinali tat-Tlieta 18 ta’ Mejju.
Kemm il-darba tagħmilha mal-ewwel għaxra, imbagħad tikkompetti fil-finali tas-Sibt 22 ta’ Mejju.
Ritratti: EBU