Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-eks Diretturi ta’ Zenith Finance, Matthew Pace u Lorraine Falzon, li qed jiġu akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus.
Fost l-oħrajn ġie preżentat rapport dwar l-assi tal-kumpanija u ngħatat analiżi tal-kontijiet bankarji ta’ BTI Management Limited, li wriet li l-kumpanija ġiet irreġistrata fl-elfejn u għaxra.
Fix-xhieda ngħad li t-tliet diretturi fetħu kont bankarju mal-Bank Of Valletta. Issemma wkoll kont f’isem Katrin Bondin Carter minn Nexia BT u li minnu għaddew sitt mitt elf ewro minnu.
Ix-xhud qal li l-flus imsemmija fl-aħħar kont oriġinaw minn kontijiet f’isem żewġ kumpaniji rreġistrati fil-British Virgin Islands.
Uffiċjal tal-Pulizija xehdet li mir-residenza ta’ Matthew Pace f’San Pawl il-Baħar, ġew elevati mobile u laptop fis-sebgħa ta’ Marzu li għadda.
Xhud mill-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi qalet li dwar Lorraine Falzon u Matthew Pace, instabu erba’ u tliet kuntratti rispettivament.
Instabu wkoll ħames trasferimenti tal-ishma f’isem Lorraine Falzon u sebgħa f’isem Matthew Pace.
Għas-seduta tal-lum, żewġ xhieda kienu imsiefra u ma dehrux quddiem il-Qorti. Il-kawża tkompli fl-erbatax ta’ Ġunju.