Għal din is-sena, pajjiżna mistenni jkabbar l-ekonomija darba u nofs aktar minn dak previst mill-Kummissjoni Ewropea sitt xhur ilu.
Fl-aħħar rapport li ħarġet, il-Kummissjoni Ewropea qed tistma li din is-sena, l-ekonomija Maltija se tikber b’4.6%.
Dan huwa wkoll ’il fuq mill-medja Ewropea.
Il-Ġermanja, meqjusa bħala l-mutur tal-Ewropa, l-ekonomija se tikber ferm b’inqas minn Malta u l-Olanda, ir-rata tat-tkabbir hija n-nofs ta’ pajjiżna.
Għas-sena d-dieħla imbagħad l-ekonomija Maltija hija mistennija li tikber b’6.1%, darba u nofs aktar mill-medja Ewropea.
Skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, dan huwa t-tieni l-akbar tkabbir fost l-istati membri.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-qgħad se jkompli jinżel f’livelli rekord u l-piż tad-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross se jibqa’ ferm taħt li kien fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dwar is-settur tax-xogħol, ir-rapport jgħid li ftit li xejn intlaqat minħabba miżuri t’għajnuna li għamel il-Gvern fosthom il-Covid Wage Supplement.
Saħansitra jingħad li żdied in-numru ta’ nies li jaħdmu.
“Supported strongly by policy measures, headcount employment actually increased in 2020 especially in the public sector, professional services, and construction, while there was only a limited increase in Malta’s unemployment rate.”
L-inflazzjoni, jiġifieri l-prezzijiet li jaffaċċja l-konsumatur, baqgħet waħda stabbli u l-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll li qagħda fiskali tal-Gvern se titjieb.
Intant fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan ir-rapport li jixhed li pajjiżna riesaq lejn prosperità ġdida.