Il-GRECO, istituzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħarsien mill-korruzzjoni, ikkonkludiet li mhi sodisfatta xejn bl-isforzi tal-Ġermanja li jipprevjenu l-korruzzjoni fost id-deputati parlamentari tal-Parlament Federali Ġermaniż, il-Bundestag.
F’rapport li jagħti ċamata lil Gvern Ġermaniż tal-Kanċillier Angela Merkel, il-GRECO tinnota li l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi biex id-deputati ma jikkorrompewx rwieħhom, għadha lura u ftit li xejn sar progress fuq rapport li sar sentejn qabel.
Il-gazzetta influwenti Ġermaniża Der Tagesspiegel irrappurtat li l-Ġermanja kaxkret saqajha fuq numru ta’ riformi fuq il-governanza t-tajba fl-istituzzjoni parlamentari tal-pajjiż.
Quddiem ir-rapport diżappuntanti mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Ġermanja ngħatat ċans li twettaq ir-riformi meħtieġa, b’rapport ieħor mistenni sa tmiem Marzu tas-sena d-dieħla.