Kull nhar ta’ Erbgħa, fuq dan l-istazzjon, fid-9:00 ta’ filgħaxija se jibda l-programm Espressjoni.
Dan il-programm se jkun wieħed informattiv dwar l-istorja ta’ pajjiżna, hekk kif se jittratta l-istorja tal-libertà tal-kelma u tal-ħsieb.
Tkellima ma’ Mark Farrugia, li qed jieħu ħsieb il-produzzjoni ta’ dan il-programm.
Huwa qalilna, “Dan se jkun programm b’differenza, programm ta’ diskussjoni b’differenza. Is-soltu d-diskussjoni nassoċjahom ma’ temi kurrenti. Din id-darba se nkunu qegħdin niddiskutu temi mill-istorja ta’ pajjiżna, ġrajjiet partikolari mill-istorja ta’ pajjiżna dwar il-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni f’Malta.”
Farrugia qal magħna kif f’dan il-programm se jkunu diskussa diversi ġrajjiet storiċi, fosthom ir-rewwixta tal-qassisin kontra l-Kavallieri u s-Sette Giugno, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu, il-preżentatur ta’ dan il-programm, Daniel Attard li qal magħna l-programm se jkun fih servizzi interessanti li jħarsu lejn l-għeruq tas-soċjetà Maltija.
Attard sostna: “Se niddiskutu u se nesploraw b’mod oġġettiv u riċerkat minn fejn tlaqna. Episodji importanti fl-istorja ta’ pajjiżna mhux biss riċenti imma anki iktar lura li matulhom il-Maltin ħassew li għandhom iqumu jsemmgħu leħinhom, jekk hemm bżonn anki bil-forza biex jieħdu dak li hu tagħhom bid-dritt u biex huma wkoll jilħqu d-drittijiet li kienu mexjin iżjed ’il quddiem f’pajjiżi oħra.”