Jumejn wara li ġiet inawgurata, Dar Nazzarenu fiż-Żejtun laqgħet l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u l-Fondazzjoni Sebħ, li se jassigura għajnuna tant meħtieġa għal vittmi ta’ vjolenza domestika, inkluż tfal.
Il-ftehim ikopri t-tliet snin li ġejjin, b’allokazzjoni ta’ aktar minn miljun ewro.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, spjegat li s-servizzi offruti lill-vittmi, jagħtuhom tama biex f’post ħieles mill-abbuż, jirkupraw mit-trawma li jkunu għaddew minnha u jħarsu ’l quddiem għal futur aħjar.
Hija spjegat: “L-ewwel fażi li jerġgħu jiksbu l-identità u d-dinjità tagħhom u jaħdmu fuq l-affarijiet emozzjonali imbagħad nibdew ngħinuhom biex jiksbu l-indipendenza li tfisser li ngħinuhom biex jibdew jaħdmu jew jistudjaw u ngħinuhom fit-taħriġ kollu li jkollhom bżonn.”
Fl-istess waqt, il-programm offrut f’Dar Nazzarenu mifrux fuq tmintax-il xahar, jindirizza b’mod speċifiku lit-tfal.
Mallia tenniet: “Huma ħafna drabi jkunu jew raw l-abbuż jew esperjenzawh direttament u allura rridu ngħinuhom biex ukoll jaħdmu fuq l-effetti tal-abbuż.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, tkellem dwar l-importanza li l-Gvern u l-Knisja jaħdmu id f’id biex ikomplu jagħmlu l-ġid.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr: “Pandemija u mhux pandemija, il-bżonn li wieħed isaħħaħ il-ġustizzja soċjali f’pajjiżu se jibqa’ dejjem hekk. Dan huwa eżempju ċar ta’ mhux biss l-impenn ta’ ġustizzja soċjali li għandna bħala Gvern, imma wkoll ta’ kemm nikkoperaw m’għaqdiet oħrajn, f’dan il-każ, il-Knisja.”
Il-Gvern jiffinanzja mas-sitt miljun ewro fis-sena lill-entitajiet tal-Knisja, li jinkludu għaqdiet mhux governattivi u fondazzjonijiet oħra.