F’pajjiżna fl-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ separazzjonijiet kienu ‘l fuq minn mitt każ kull sena, bl-iżjed każijiet ta’ separazzjonijiet rappurtati kienu fl-elfejn u ħdax, mija u erbgħa u tletin każ b’kollox.
F’Malta n-numru ta’ każijiet jiżbqu dawk t’Għawdex u d-differenza hija kbira.
Fil-fatt pereżempju s-sena l-oħra, f’Malta kien hemm mija u disa’ każijiet ta’ separazzjoni bejn il-koppji iżda fil-gżira tat-tliet għoljiet kien hemm sitt biss.
Dr Rodianne Sciberras, Avukat tal-Familja spjegatilna fuq iż-żewġ tipi ta’ separazzjonijiet li jeżistu.
Qalet, “Separati De Facto tfisser li jiena fattwalment ilni mhux ngħix fiżikament ma’ żewġi erba’ snin jekk ilni erba’ snin barra mid-dar, pero legalment għadni miżżewġa minix separata. Separazzjoni De Jure jiġifieri jiena separata legalment issa jew b’kuntratt kif spjegat iżjed kmieni jew nkella b’sentenza.”
Dr Sciberras qaltilna wkoll x’jiġri meta jkun hemm qbil bejn il-koppja biex tissepara.
Spjegat, “Jiddependi mill-koppja, jiġifieri jekk il-koppja iħossu li ż-żwieġ tagħhom ma għadx kemm futur għalih jistgħu jagħmluha konġuntivament. Ikunu ftehmu fuq kollox digà. Ovvjament kull wieħed minnhom ħa jqabbad l-Avukat tiegħu. Jekk ikun hemm ftehim ħa jiġi jħejji kuntratt ta’ separazzjoni u jekk ikun hemm qbil il-proċess ikun konġunt nagħmlu medjazzjoni permezz ta’ nota f’dan il-każ konġunt biex kemm jinqara’ l-abbozz.”
L-Avukat tal-familja qalet li fejn ma jkunx hemm qbil xorta jiġu preparati l-karti meħtieġa mill-Avukat tal-persuna li jkun tkellem u talab għas-separazzjoni u l-ġudikant jibgħat għaż-żewġ partijiet sabiex jibda l-proċess.
Dr Rodianne Sciberras spjegatilna li mhux dejjem ikun hemm qbil bejn il-koppji għaliex ikun hemm min jimpika jew nkella min ikun għadu rrabjat għall-parti l-oħra.
Hi saħqet li huwa fl-interess taż-żewġ partijiet li dejjem jinstab kompromess.
Qalet, “Imma inti trid tara l-istampa l-kbira jiġifieri jekk jien ħa mmur il-Qorti bejn id-dewmien, bejn it-tul ta’ snin, il-wegħġat ikomplu jikbru. Jiġifieri jien nirraġuna aħjar nċedi forsi ftit imma finalment imbagħad hemm ħafna mill-affarjiet li jiena ftehemt fuqhom. Jekk jien ħa mmur quddiem l-Imħallef, l-Imħallef mhux ħa joqgħod jara imma ħa nara Rodianne xi tħoss ħa nara n-naħa l-oħra xi jħoss. L-Imħallef ħa jimxi skont il-liġi.”