Mil-lum ġew rilaxxati numru ta’ miżuri li kienu ttieħdu ġimgħat ilu bil-għan li pajjiżna jikkontrolla t-tixrid tal-infezzjonijiet tal-Coronavirus.
Kif ġie kkonfermat f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis li għadda, mil-lum se jerġgħu jiftħu r-ristoranti u l-isnack bars sal-ħamsa ta’ waranofsinhar. Dawn jistgħu jilqgħu sa erba’ persuni ma’ mejda.
Mil-lum ukoll, jista’ jsir vjaġġar bejn Malta u Għawdex mingħajr restrizzjonijiet.
Miżuri oħra li ġew rilaxxati huma dawk marbuta mat-taħriġ tal-isport professjonali, it-tagħlim tal-arti, il-lezzjonijiet tal-mużew, u l-monti.
Ir-rilaxx ta’ dawn il-miżuri huma parti mill-pjan meqjus tal-Gvern biex nerġgħu lura għall-ħajja li konna mdorrijin biha qabel il-pandemija, fl-isfond ta’ appell kontinwu biex kulħadd jitlaqqam kontra l-Coronavirus.