Il-Wastserv qalet li hija ma teskludix li tieħu deċiżjonijiet drastiċi, wara li tikkonsulta mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Dan jekk l-operaturi preżenti tal-ġbir tal-ħġieġ ma jilħqux r-rekwiżiti meħtieġa u jaffettwa l-ġbir tal-ħġieġ. Dan bil-għan li jkun assigurat li r-residenti qed jingħataw l-aqwa servizz possibbli.
Fi stqarrija l-WasteServ qalet li bħalissa r-responsabbilità tal-ġbir tal-iskart hija tal-kumpaniji GreenPak u GreenMT. Hija sostniet li dawn iż-żewġ skemi privati għandhom numri ta’ obbligi legali fejn jidħlu l-ġbir tal-iskart. Il-WasteServ qalet li matul dan tmiem il-ġimgħa, hi rċeviet numru ta’ ilmenti għaliex il-ħġieġ li tqiegħed f’kaxxi tal-kartun baqa’ ma nġabarx, f’numru ta’ lokalitajiet.
Il-WasteServ kompliet li tgħid li hija tinsab infurmata li l-kumpanija GreenPak tat instruzzjonijiet lil dawk li jiġbru l-ħġieġ f’isimha biex ma jiġbrux ħġieġ li jkun f’kaxxi tal-kartun. Hija ċaħdet b’mod kategoriku li hija tat istruzzjonijiet biex jitwaqqaf dan il-ġbir.
Il-WasteServ qalet li hija dejjem qagħdet lura milli issemmi dawn l-operaturi fil-pubbliku. Madankollu, temmen li l-pubbliku u l-midja għandhom ikunu konxji ta’ dak kollu li qed jiġri fis-settur tal-iskart, sabiex ikun jista’ jsir titjib f’dan ir-rigward. Saħqet li hija ħadmet biex tindirizza nuqqasijiet mill-operaturi privati sabiex l-iskart li jinġabar ikun fi stat tajjeb li jista’ jiġi rriċiklat.
Hija qalet li l-unika istruzzjonijiet li tat lill-operaturi kien li jiġbru skart nadifa u li jissodisfaw l-obbligi tal-iskemi. Bil-għan li tgħin li dawk l-operaturi li sabuha diffiċli biex jinvestu f’trakkijiet li għandhom komportamenti separati, il-WasteServ ħeġġet lill-pubbliku juża kontenituri separati. Minkejja dan, hija enfasizzat li qatt ma qalet li għandu jinġabar biss ħġieġ li jkunu fil-kontenituri tal-WasteServ, jew ipprojbixxiet l-użu ta’ kaxxi tal-kartun.
Il-WasteServ tenniet li meta jagħżlu l-kuntratturi biex jiġbru l-iskart mid-djar, il-Kunsillli Lokali għandhom jibqgħu jisħqu li l-poplu jingħata servizz tajjeb ħalli jiżdied ir-riċiklaġġ f’pajjiżna.