Iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess huwa biss karta strazza tal-Gvern.
Iddikjara dan is-saċerdot Fr David Muscat li f’ħafna okkażżjonijiet deher imur kontra l-kelma tal-prefetti tiegħu u ħareġ jitkellem fuq bosta kontroversji li jmorru kontra dak li jgħidu huma.
Fuq programm li xxandar fuq diversi mezzi tal-midja soċjali bl-isem ta’ ‘Il-Podkast’, is-Saċerdot ikkwota u sejjaħ l-omosesswalità bħala diżordni oġġettiv.
“Jien l-importanti li fil-Knisja mill-għatba l-ġewwa ma jindaħlulix jien dik li jinteressani wara kollox u ż-żwieġ tagħhom huwa karta strazza tal-Gvern u jagħmluh fejn iridu. L-agħar jekk dawn jiġu fil-Knisja u jimponuli li jridu wkoll ir-rit reliġjuż hemm ġew u b’vendikazzjoni ħa jidħlu għax dan qabel jidħlu fil-Knejjes tagħna fuq it-tapit l-aħmar u taħt il-ħarsa tal-vari u l-inkwadri dawn mhux se joqogħdu kwieti” qal is-saċerdot.
Filwaqt li beda jikkwota d-duttrina u t-tagħlim tal-Knisja u b’referenza għaż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess, Dun David Muscat qal li Alla ma jistax ibierek id-dnub.
Il-qassis, li rajnih ukoll jitkellem f’attività tal-Partit tal-Lemin Estrem ta’ Norman Lowell, kien kostrett jgħid ukoll li l-ittra Appostolika Amoris Laetitia tgħidlek li l-Gvernijiet li qed jippruvaw idaħħlu l-unjoni ċivili u ż-żwieġ omosesswali qed jagħmlu vjolenza fuq is-soċjetà.
L-intervista wriet biċ-ċar kif is-saċerdot donnu għaddej b’kampanja kontra l-persuni LGBTIQ, fejn kien hu stess ammetta li maż-żmien, wara li xi darba kien liberali, issa ħrax kontra l-omosesswali.
Qal, “jien biż-żmien ħraxt kontra LGBTI lobby, għax id-differenza li rajt fis-seminarji u ambjenti ekkleżjastiċi, il-gays, il-ħerba li għamlu inkluż dawn l-abbużi tal-biża’ li int tibda tarah il-frott ta’ din id-diżordni.”
Hanwhekk il-qassis donnu ta’ x’jifhem li l-abbużi sesswali minn persuni reliġjużi, seħħew għax huma omosesswali.
Fl-intervista, is-saċerdot ħadha wkoll qatta’ bla ħabel kontra dawk li jmexxu l-Knisja f’Malta, fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna u anke kontra ħutu s-saċerdoti.
Dun David qal, “għidha ċara eċċellenza mhux toqgħod iddur mal-lewża, mhux tibgħat fuq it-televiżjoni saċerdoti li jtuk l-impressjoni li t-tagħlim tal-Knisja fuq din it-tema huwa mod mentri mhuwiex.”