L-Awtorità għat-Trasport f’Malta bi ftehmin mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ippubblikat emendi għal-liġi li tirrigwardja l-vetturi mitluqa fit-toroq.
Dan bil-għan li jitneħħew vetturi mitluqa fosthom dawk li jkunu fi stat li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew li ma jkunux tajbin biex jinstaqu fit-triq. Flimkien ma’ dawn hemm karozzi li ma tkunx tħallsitilhom il-liċenzja ta’ ċirkulazzjoni għas-sena kurrenti fi żmien tletin jum mill-ġurnata meta l-ħlas ikun dovut.
L-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta se jwaħħlu sticker mal-windscreen ta’ dawn il-vetturi u s-sidien ikollhom sebat ijiem ċans biex ineħħu l-vetturi mit-toroq.
Jekk il-vetturi jitneħħew mill-Awtorità, is-sidien se jkunu obbligati jħallsu l-ispejjeż kollha.
Jekk is-sidien ma jagħmlux talba biex jieħdu l-vetturi, apparti li jħallsu l-ispejjeż, l-Awtorità għandha d-dritt li tbigħ il-vetturi bi rkant jew billi tiskrappjahom, skont il-każ.
B’dawn l-emendi fil-liġi, it-toroq ta’ pajjiżna se jitnaddfu minn vetturi li qed jokkupaw spazju bżonnjuż għal vetturi oħra liċenzjati.