36 ħaddiem fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew promossi għal gradi ogħla.
18-il ħaddiem ġew promossi għall-Uffiċċjali tal-Istazzjon tad-Dipartiment filwaqt li t-18 l-oħra ġew promossi għall-Uffiċjali t’Assistenza u Salvataġġ.
Permezz ta’ dawn il-promozzjonijiet, kull stazzjon madwar Malta u Għawdex ser ikollu Uffiċċjal tal-Istazzjon 24 siegħa kuljum.
B’hekk dan it-tisħiħ ser joffri aktar serħan il-moħħ minħabba li ser ikun possibbli biex il-ħaddiema jagħtu l-ewwel għajnuna f’anqas ħin lil min ikollu bżonn.
Għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ dawn il-ħaddiema, li saret fl-Istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija, kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Filwaqt li rringrazzja lil ħaddiema għall-ħidma sfieqa tagħhom, il-Ministru Byron Camilleri saħaq li l-investiment fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa pedament importanti għas-sigurtà tal-pajjiż. Il-Ministru kompla billi ħeġġeġ lill-ħaddiema jkomplu jipprovdu l-aqwa servizz possibbli.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjega li għaddej taħriġ intensiv bil-għan li l-uffiċjali jkunu preparati aħjar għal kull eventwalità.