Ġie ffirmat ftehim ta’ tletin elf ewro bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ħbieb tat-Tempju Elenjan sabiex din l-istess għaqda tkompli tinvesti f’mużew fil-Bażilika Kolleġjata ta’ Santa Elena f’ Birkirkara.
Dan il-mużew se jiġi mgħammar b’iżjed opri tal-arti li jikkumplimentaw l-istorja kulturali ta’ Birkirkara, fejn mistenni sservi ta’ attrazzjoni kulturali għal turisti li jagħżlu lil pajjiżna bħala destinazzjoni reliġjuża tagħhom.
Emmanuel Sammut, f’isem il-Ħbieb tat-Tempju Elenjan irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna biex dan il-mużew jitlesta fl-iqsar żmien possibbli, fid-dawl ta’ rkupru fis-settur turistiku.
Qal, “Din l-għajnuna hija importanti għaliex ġiet fil-ħin opportun meta, għandna bżonn inlestu dan il-proġett kbir li ilna għaddejjin bih għal bosta snin.”
Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li permezz ta’ din id-donazzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda għal darb’oħra tagħti l-importanza xierqa lin-niċċa tat-turizmu marbut mar-reliġjon.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li dan il-ftehim jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li pajjiżna jibda jattira turisti b’għażliet differenti.
Spjega, “Investiment li jlaħħaq it-tletin elf ewro sabiex nassiguraw ruħna li dan il-Mużew ikun wieħed lest sabiex jesponi r-rikezza kulturali, storika u anke l-wirt reliġjuż li għanda f’Birkirkara. B’dan il-mod irridu naraw li nkomplu mexjin mal-viżjoni tal-Gvern”