Il-Malti ta’ 47 sena li marad bil-Covid-19 waqt li kien jinsab fl-Indja, miet fl-ajruplan, eżatt qabel dan telaq lejn pajjiżna.
ONE News jista’ jikkonferma minn informazzjoni li kiseb li l-Malti miet fl-air ambulance li kien mistenni jiġi biha llejla.
Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu qelbet għall-agħar fl-aħħar sigħat.
Huwa kien flimkien ma’ martu fl-Indja biex jaddottaw tifla.
Qabel kien ġej pajjiżna, il-Malti, li huwa nutar minn Ħal Tarxien, kien rikoverat fi sptar barra l-kapitali New Delhi.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher ukoll li mart il-vittma wkoll tinsab pożittiva għall-virus.
Intant fi stqarrija, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ikkonfermaw il-mewt tal-Malti ta’ 47 sena.
Qalu li huma kienu f’kuntatt mal-Malti u mal-familja tiegħu.
Filwaqt li jagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu, l-awtoritajiet Maltin se jkunu qed iżommu kuntatt magħhom f’dan il-mument diffiċli.