Il-President George Vella laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Barranin tar-Repubblika Franċiża, Jean Yves Le Drian, għal laqgħa fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Huma ddiskutew ta’ importanza reġjonali u internazzjonali, l-ewwel fosthom kienet is-sitwazzjoni tal-COVID fiż-żewġ pajjiżi. Il-President Vella esprima s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Franċiż u t-tama tiegħu għal tnaqqis fil-każijiet.
L-iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea u fir-reġjun tas-Saħel kienu fiċ-ċentru ta’ din id-diskussjoni, b’attenzjoni partikolari għal-Libja, iċ-Chad u l-Mali. Il-President Vella u l-Ministru Le Drian qablu dwar ir-rabta importanti ħafna bejn l-istabbiltà fil-Libja u s-Saħel inġenerali.
L-iktar tensjonijiet riċenti fl-Ukrajna u l-iżviluppi li jikkonċernaw it-tnedija mill-ġdid tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt mal-Iran tqajmu wkoll mill-President Vella. Il-Ministru Le Drian spjega r-rwol ta’ Franza f’dawn iż-żewġ oqsma, permezz tal-Format tan-Normandija u t-taħditiet ta’ Vjenna rispettivament.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Le Drian esprima l-apprezzament tiegħu lill-President Vella għall-indirizz tiegħu fis-simpożju dwar Malta u Franza, li ser isir nhar is-7 ta’ Mejju. Dan ser ikun l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ Simpożji tal-Presidenza ma’ sħab prominenti oħra fix-xhur li ġejjin. L-Uffiċċju tal-President ikkollabora mill-qrib ħafna mal-Ambaxxata tar-Repubblika Franċiża f’Malta għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment.
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo wkoll kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Barranin tar-Repubblika Franċiża, Jean Yves Le Drian,. Matul it-taħditiet, iż-żewġ Ministri trattaw diversi temi fosthom l-istabilità fil-Mediterran, is-sitwazzjoni fil-Libja, u l-isfidi varji li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Evarist Bartolo rringrazzja lill-Gvern Franċiż għas-sostenn fir-rilokazzjoni tal-migranti irregolari li waslu f’Malta. Il-Ministru spjega li Franza ħadet madwar terz tal-immigranti irregolari kollha li ġew rilokati minn Malta lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul is-snin.
F’dan il-kuntest, il-Ministru appella għal aktar solidarjetà mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, u awgura li n-negozjati fuq il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jirriżultaw f’soluzzjonijiet dejjiema u mhux rimedji ad hoc li jwieġbu biss għal sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Huwa rringrazzja ukoll lill-Gwardja tal-Kosta Libjana li minkejja r-riżorsi limitati tagħha, kienet strumentali biex twaqqfu eluf ta’ migranti milli jaqsmu fuq vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa. Hawnhekk, l-Ministru Bartolo appella għal aktar sostenn mill-Unjoni Ewropea u għal aktar investiment fir-riżorsi li jipproteġu l-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ewropa. Huwa saħaq dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tpoġġi bilqiegħda mal-Gvern Libjan biex tara kif l-aħjar li tgħin lil-Libja fuq il-fruntieri tagħha fuq l-art u l-baħar biex tiġi mrażżna l-immigrazzjoni irregolari.
Lil hinn mill-isforzi tar-rilokazzjoni, il-Ministru Bartolo qal li għandha tiżdied ukoll il-koperazzjoni Ewropea għar-ritorn tal-migranti irregolari li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Dan filwaqt li għandhom jissaħħu l-isforzi biex jinbnew ekonomiji reżiljenti fil-pajjiżi tal-oriġini, fejn il-popolazzjoni se tkompli tiżdied u allura jeħtieġ illi ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur f’pajjiżhom stess u mhux ikollhom jaħarbu u jipperikolaw ħajjithom fil-proċess.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Evarist Bartolo semma ukoll it-taħditiet li għaddejjin dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni, bil-għan li fost oħrajn, joffri taħriġ lil uffiċjali li jaħdmu fuq il-fruntieri.
Dwar il-Libja, il-Ministru Bartolo tenna li Malta se tkompli taħdem flimkien mal-imsieħba internazzjonali tagħha favur l-istabilità u l-paċi fil-Libja, u biex il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Libjani, li ilhom tant ibatu, jiġu indirizzati. Huwa tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti għall-proċess tranżitorju u ġedded l-impenn ta’ Malta favur Libja magħquda f’idejn il-Libjani.