Let us Not Forget (L.U.N.F) huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea mmexxi mil-lokalità tal-Isla bis-sehem ta’ pajjiżi oħra Ewropej sabiex jiftakru t-traġedji li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn Malta, mal-lokalità tal-Isla, qed jieħdu sehem il-lokalitajiet tal-Birgu, l-Imtarfa u Bormla, ilkoll rappreżentati mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Kif jimplika l-isem u permezz tal-arti viżiva, il-proġett qed ifakkar it-tbatija tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi involuti fl-istess proġett, it-traġedji umani, il-ġuħ u d-deportazzjonijiet tal-massa, il-massakri u l-qtil tal-innoċenti. L-għan ta’ dal-proġett huwa li ngħaddu dak li nafu dwar dawn l-esperjenzi lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna sabiex dak li seħħ fl-istorja ma jintesa qatt.
gwerr
Id-disa’ organizzazjonijiet u entitajiet pubbliċi fil-proġett ġejjin minn erba’ pajjiżi differenti. Il-Kunsill Lokali tal-Isla qed imexxi l-proġett. Minn Malta bħala Associated Partners, qed jieħdu sehem il-Kunsill Lokali tal-Birgu, Bormla u l-Imtarfa, mill-Italja il-Comuni ta’ Fara San Marino u Ortona, kif ukoll il-Fondazzjone Brigata Maiella. Il-Gvernijiet Lokali ta’ Zarasai (Litwanja) u Daugavpils (Latvja) huma ż-żewġ imsieħba l-oħra.
Ir-reżistenza u l-Linji Gustav
Il-proġett beda f’Ottubru 2015 f’Malta permezz ta’ Steering Committee u kompla fl-Italja f’April li għadda. Delegazzjonijiet mill-pajjiżi involuti żaru diversi lokalitajiet li kienu jagħmlu parti mil-Linji Gustav, linji mibnija min-Nazzisti bejn Ortona u Montecassino. Dawn kienu jaqsmu l-Italja min-nofs sabiex iżommu lill-Alleati milli jkomplu javvanzaw u b’hekk jilliberaw l-Italja mill-ħakma faxxista. Żorna lokalitajiet muntanjużi fejn seħħew massakri ta’ nies innoċenti, deportazzjonijiet tal-massa, ċimiterji b’eluf ta’ suldati midfuna, mużewijiet u monumenti militari, kif ukoll punti strateġiċi li baqgħu magħrufa għall-importanza tagħhom fit-Tieni Gwerra Dinjija. Smajna rakkonti minn anzjani li għexu tfulithom f’dawk is-snin koroh.
L-Olokawst u d-deportazzjoni tan-nies ċivili
F’Ġunju, fil-Litwanja ġiet trattata t-tema tad-deportazzjoni ta’ nies ċivili lejn il-kampijiet tal-konċentrament, kemm mill-forzi Nazzisti kif ukoll mis-Sovjetiċi lejn il-kampijiet tal-konċentrament fis-Siberja. Dwar dawn ittellgħu wirjiet tal-arti minn artisti u studenti. Id-delegati ħadu sehem f’workshops u diskussjonijiet dwar “Il-Mara fil-Gwerra tar-Raġel” kif ukoll “Riċetti ta’ Żmien it-Tieni Gwerra Dinjija”. Ġew organizzati żjarat f’mużewijiet tal-gwerra u postijiet storiċi fejn saru massakri ta’ nies ċivili, speċjalment Lhud.
L-okkupazzjoni minn forzi militari barranin
Fil-Latvja, għar-raba’ parti tal-proġett, id-delegati affrontaw it-tema tal-okkupazzjoni minn forzi armati barranin. Saru żjarat f’diversi postijiet storiċi li jfakkru l-okkupazzjoni tal-Latvja minn forzi militari Sovjetiċi u Nazzisti, id-deportazzjoni ta’ nies ċivili lejn il-kampijiet tal-konċentrament, ir-ripressjoni u l-massakri li seħħew matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ittellgħu workshops fejn ġew diskussi dawn it-temi u wirja ta’ pittura mill-artista Sila Linarte, li ġiet eżiljata u deportata fis-Siberja meta kienet għadha tifla. Simulazzjoni interessanti li tfakkar x’ġara meta l-pajjiż ġie okkupat minn forzi militari Sovjetiċi saret minn tfal tal-iskola.
Id-difiża tal-gżejjer Maltin
Il-proġett jiġi fil-konklużjoni tiegħu f’Malta din il-gimgħa, bejn it-13 u s-16 ta’ Ottubru. Fl-Isla ser jittellgħu wirjiet ta’ arti viżiva fil-Pjazza 4 ta’ Settembru u fis-Sede tal-Azzjoni Kattolika. Fis-6pm tal-Hamis 13 ta’ Ottubru fil-Pjazza 4 ta’ Settembru se tittella’ wirja fotografika mis-Senglean Domenic Aquilina dwar il-Linji Gustav, b’numru ta’ xeni li huwa ġibed meta l-proġett kien qed jittratta l-fażi fl-Italja. Fis-Sede ser jittellgħu żewġ wirjiet mill-artisti Raymond Domenic Agius u Dr Stephen Spiteri. Dawn il-wirjiet se juru xeni mit-Tieni Gwerra Dinjija. It-tema tal-proġett trattata f’Malta ser tkun “Id-Difiża”, naturalment id-difiża tal-gżejjer Maltin mill-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fis-Sede ser jintwera d-dokumentarju li ħejja James Galea dwar il-Linji Gustav u ser jiġu ppubblikati żewġ pubblikazzjonijiet minn Vincent Zammit; “Women in a Man’s War” u “Recipies of WWII”. Fil-pjazza, is-Senglea Drama Group ser itellgħu rapreżentazzjoni tal-Victory Kitchen. L-attivitajiet f’Malta jkomplu l-Gimgha, is-Sibt u l-Hadd fil-Birgu, Bormla u l-Imtarfa fejn isir il-Miltary Festival. Id-delagati barranin ser iżuru postijiet u mużewijiet relatati mat-Tieni Gwerra Dinjija.