Fuq id-Dar Ċentrali reġa’ beda jberraq wara d-dikjarazzjonijiet li għamel il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech dwar l-IVF. Dan wara li huwa qal li jrid li l-koppji Maltin ma jkollhomx għalfejn jitilqu minn pajjiżna biex jagħmlu l-IVF. Dan għalkemm huma dawk il-koppji li jkunu jridu jagħmlu t-testijiet tal-PGD li jagħżlu li jmorru barra minn pajjiżna biex jagħmlu dan il-proċess. Testijiet li ma jistgħux isiru f’pajjiżna wara l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista meta kienu diskussi emendi fil-liġi tal-IVF.
Bid-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jgħid li fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni ser ikun qed iressaq emenda f’dan ir-rigward, fl-imkejjen f’tal-Pieta qabdu joqomsu dawk li sa mill-bidu kienu kontra l-proċess sħiħ tal-IVF.
Fost dawn hemm it-Tabib Michael Asciak, kandidat u membru tal-eżekuttiv Nazzjonalista li f’telefonata rrekordjata ma kienx komdu jgħidilna li jaqbel mal-Kap tiegħu Bernard Grech, iżda qalilna biss li l-opinjoni tiegħu ser ikun qed jiddiskutiha mal-grupp parlamentari. Dan għalkemm huwa mhux membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Michael Asciak huwa magħruf għall-pożizzjoni voċifera li kien ħa kontra l-IVF lura meta Gvern Laburista kien preżenta l-liġi sabiex dan jiddaħħal f’pajjiżna. Għalkemm din il-liġi tat il-ħajja lil 215-il tarbija permezz tal-IVF f’pajjiżna, fi programm ta’ diskussjoni fuq ONE Asciak kien qal li dan il-Gvern qed joqtol lin-nies.
Qal, “Intom għamiltuha u qed toqtlu n-nies. Qed toqtlu, qed toqtlu lin-nies. Jien tabib u naf x’qed tagħmlu, qed toqtlu lin-nies fi stadju ta’ embrijun.”
Iżda illum l-istess Asciak, li kien ressaq il-vot ta’ sfiduċja fl-eks kap Adrian Delia fl-eżekuttiv, mhux iħossu liberu li jitkellem dwar din il-materja u qed jgħid biss li l-pożizzjoni tiegħu ser jagħmilha ċara fl-eżekuttiv tal-Partit.
Qal, “Niddiskutu flimkien imbgħad nieħdu pożizzjoni. Ovjament jiena l-opinjoni tiegħi ħa nagħmilha fl-eżekuttiv hux li jiena membru tiegħu.”
Sorsi fid-Dar Ċentrali ikkonfermaw ma’ ONE News kif dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Grech ħasdu mhux ftit lill-kumplament tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm Asciak ċaħad, sorsi ta’ min joqgħod fuqhom urew kif ftit tas-sigħat wara li Bernard Grech għamel id-dikjarazzjonijiet dwar l-IVF, Michael Asciak kien minn tal-ewwel li kkuntatja lil Grech sabiex juri n-nuqqas ta’ qbil tiegħu.