Waqt din il-pandemija, mill-kumpanija David’s Bakery, li tħaddem magħha ħamsa u ħamsin ħaddiem, ħadd ma tilef xogħlu.
Dan intqal waqt żjara li għamel il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ġewwa David’s Bakery, f’Kerċem, li nnota s-suċċess li rnexxielha tikseb din il-kumpanija, hekk kif min negozju tal-familja wassal biex il-prodotti tagħhom jiġu esportati barra minn xtutna.
Sid il-kumpanija, David Mercieca, qal kif minkejja l-isfidi tal-pandemija, dan in-negozju kompla jkabbar l-operat tiegħu.
Qal, “Biex nibqgħu f’Għawdex biss, b’fabbrika bħal din ma tistax. Allura morna lejn Malta u anke barra minn xtutna. Qegħdin inqasmu ħbejżiet żgħar ġol-Ingilterra, darba fix-xahar dejjem ikollna d-domanda għalihom. F’Malta kollha wkoll għandna l-ħwienet u hemm is-supermarkets ukoll.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li waqt pandemija l-kumpaniji Għawdxin kienu reżiljenti, b’disgħin fil-mija tal-Għawdxin li tilfu xogħolhom f’dan iż-żmien diffiċli, reġgħu bdew jaħdmu lura.
Spjega, “F’din il-pandemija u tul dawn iż-żmien ta’ sfidi, propju żammew l-impjegati tagħhom kollha, ibbenefikaw mill-COVID Wage Supplement, però aktar minn hekk qed ikomplu jespandu sabiex jesploraw anki orrizonti ġodda lil hinn minn Għawdex, bħal m’għamlu ġewwa l-gżira ta’ Malta, kif ukoll barra minn xtutna.”