Il-familja ta’ Marcel Pisani, raġel li ilu nieqes mill-aħħar tas-sena li għaddiet, qabbdu bugħaddasa privati biex ifittxu fl-ilmijiet fondi fejn l-irdumijiet tal-Imtaħleb bit-tama li jsibu xi ħaġa li tindika x’ġara minnu.Ir-raġel, li kien f’siġġu tar-roti, ġie rrappurtat nieqes fil-31 ta’ Diċembru wara li telaq minn daru fi Triq ix-Xitwa fil-Mosta.
Kważi erba’ xhur wara, il-Pulizija qalu li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Mat-Times of Malta, missier ir-raġel qal li flimkien ma’ martu, raw lil binhom għall-aħħar darba f’Boxing Day għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar.
Huwa qal li flimkien ma’ martu, qabbdu żewġ bugħaddasa biex ifittxu fil-baħar, li niżlu fond ta’ aktar minn 65 metru u ħadu ritratti taż-żona imma ma sabu xejn.
Mal-istess gazzetta, il-missier qal ukoll li ntbagħtet vettura speċjali taħt l-ilma mill-Pulizija li wettqet tfittxijiet f’diversi żoni kostali f’pajjiżna, iżda t-tfittxijiet irriżultaw fin-negattiv.