Bħal-lum 63 sena, il-GWU kienet ordnat strajk ġenerali wara li ġimgħa qabel, il-Gvern ta’ Duminku Mintoff kien irriżenja wara li l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji minn mas-servizzi Ingliżi.
Dakinhar tal-istrajk, il-ħaddiema niżlu fit-toroq mhux biss biex jiġġieldu għad-dritt tax-xogħol imma wkoll għall-ħelsien tal-pajjiż.
L-effetti tal-istrajk baqgħu għaddejjin u l-Pulizija arrestat lil dawk li kellha provi li ħadu sehem fl-istrajk, li jgħoddu għal 99.
Il-parti l-kbira kienu żgħażagħ u magħhom kien hemm il-Ministri Laburisti Agatha Barbara u Bertu Hyzler.
Dan kollu mhux biss wassal biex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema imma ħalla wkoll effett politiku li wassal lil pajjiżna lejn it-triq tal-indipendenza.
Intant, fl-okkażjoni tat-tifkira ta’ dan il-jum, illejla l-Prim Ministru Robert Abela se jwieġeb il-mistoqsijiet taż-żgħażagħ f’attività tal-Forum Żgħażagħ Laburisti fit-tmienja ta’ filgħaxija, fis-sena li l-fergħa żagħżugħa qed tfakkar is-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tagħha.
L-attività tixxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista.