- Proġett artistiku li jinvolvi grupp ta’ nisa li għaddew minn vjolenza domestika.
- Żgħażagħ u anzjani jikkollaboraw fuq proġett fotografiku.
- Proġett li jinvolvi teenagers minn l-inħawi tal-Port il-Kbir li jirrakkontaw l-istejjer tagħhom permezz tal-film.
Dawn huma biss uħud mill-10 proġetti li ġew magħżula bħala benefiċjari għall-edizzjoni tal-2016 tal-Premju tal-President għall-Kreattività, fond b’element soċjali u komunitarju qawwi.
Il-benefiċjarji tħabbru matul ċerimonja ta’ premjazzjoni li saret il-Palazz tal-Verdala lbieraħ filgħaxija. Total ta’ 10 proġetti ġew magħżula minn fost 17-il applikazzjoni. B’kollox, dawn il-proġetti rċevew madwar €65,000. Kull proġett magħżul rċieva massimu ta’ €6,000.
Il-potenzjal tal-arti u l-kreattività li jrawmu tibdil u riġenerazzjoni soċjali u kulturali ġiet ippruvata f’bosta kuntesti, inkluż dawk ikkaratterizzati minn ambjenti soċjalment żvantaġġati, faqar u esklużjoni. Dan huwa l-bażi tal-Premju tal-President għall-Kreattività.
BENEFIĊJARJI 2016
Create, Liberate, Integrate – St Jeanne Antide Foundation
Proġett li jikkonsisti f’għadd ta’ programmi kreattivi qsar ma’ nisa, ta’ għeruq etniċi u soċjali diversi u wliedhom, li waqfu lil vjolenza domestika. Il-programmi se jsostnu lill-parteċipanti fl-esplorazzjoni tal-kreattività tagħhom, u jħeġġuhom jaqsmu l-ħiliet kreattivi tagħhom ma’ ħaddieħor. Bis-saħħa tal-Premju tal-President għall-Kreattività, il-proġett għandu jipprovdi lill-parteċipanti spazju komdu fejn isibu wens, iderru, jintegraw, kif ukoll isaħħu r-relazzjoni materna.
YeeP!Youth and Elderly explore Photography –Kopin
Proġett li jippromovi l-iżvilupp personali, emozzjonali, soċjali, u ta’ għadd ta’ ħiliet, kif ukoll l-inklużjoni ta’ żgħażagħ u anzjani ta’ għeruq diversi, permezz tal-esplorazzjoni tal-fotografija. Mil-lentijiet tal-parteċipanti, l-udjenzi se jiksbu perspettivi uniċi tal-imgħoddi, il-preżent, u l-ġejjien ta’ Malta. Il-proġett jibni fuq l-esperjenzi pożittivi ta’ YEP! Young People Explore Photography, megħjun mill-Premju tal-President għall-Kreatività 2015, u did-darba jiffoka fuq opportunitajieta ta’ skambju interġenerazzjonali.
Drum-Line – Opening Doors Association
Proġett marbut mal-tagħlim ewlieni,spazju għall-provi aċċessibbli, u t-tkomplija tal-operat tal-Grupp tal-Mużika tal-Assoċjazzjoni– li twaqqaf fl- 2015. Matul l-2016, il-Fondazzjoni se tiffoka fuq l-attitudni professjonali tal-parteċipanti ewlenin, u tgħinhom jiżviluppaw il-ħila li jisimgħu lil xulxin, u li jwieġbu individwalment bil-kunfidenza.
Equality in Music – Down Syndrome Association Malta
Proġett li se jintroduċi f’pajjiżna sistema ta’ annotazzjoni mużikali inklussiva – magħrufa bħala Figure Notation. Din is-sistema tagħmel użu minn forom ġeometriċi u lwien, sabiex tgħin saħansitra persuni bi sfidi ta’ litteriżmu jaqraw il-mużika. Il-metodu se jintgħallem proprju mid-Direttur taċ-Ċentru Speċjalizzat tal-Mużika Resonaari tal-Finlandja, li huwa l-kożviluppatur ta’ dan il-metodu ta’ qari. L-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li taqsam dan il-metodu mal-għalliema tal-mużika u ma’ persuni bi sfidi intellettwali f’ Malta u, b’hekk, tkattar it-tgawdija u l-parteċipazzjoni fil-qasam tal-mużika.
Shaping Dreams Together – Karl Vella Foundation
Proġett li jikkonsisti f’sensiela ta’ sessjonijiet taċ-ċeramika mifruxa fuq sena, għal persuni ta’ bejn il-ħamsa u s-sbatax-il sena li qed jesperjenzaw mard terminali fil-familja. Il-proġett jindirizza speċjalment l-għawġ soċjali u psikoloġiku involut f’dawn is-sitwazzjonijiet; u jiffoka fuq il-ħajra naturali tat-tfal li jesperimentaw bit-tafal, u fuq il-ħiliet tagħhom li jiġu ispirati u li joħolqu affarijiet interessanti.
Arani! Ismagħni! Ifhimni!GĦINNI – Youth Residence (YR) at Mount Carmel Hospital
Proġett li juża l-espressjoni kreattiva teatrali sabiex jgħin il- parteċipanti ewlenin jesploraw il-qagħda tagħhom, u jgħinhom isemmgħu leħinhom bl-għajnuna ta’ dramaterapista kkwalifikata.
Beyond Sight – Spero: A Training Activity Centre for the Blind
Kollaborazzjoni bejn komunità ta’persuni nieqsa mid-dawl u għadd ta’ professjonisti kreattivi, immirata biex tkattar l-għarfien fuq ħiliet differenti u tħeġġeġ l-integrazzjoni. Il-proġett ifittex qabelxejn li jipprovdi esperjenza artistika terapewtika lil persuni nieqsa mid-dawl li twieldu għomja jew sfaw għomja minħabba mard. Il-proċess, mifrux fuq sena, se jħeġġeġ lill-klijenti taċ-ċentru Spero biex jieħdu sehem f’attivitajiet u jesperimentaw b’tekniki artistiċi varji. Il-proġett jinkludi sessjonijiet mat-tfal tal-iskola, maħsuba biex jgħinu t-tfal jifhmu l-kundizzjoni ta’ persuni għomja u l-ħiliet tagħhom.Ix-xogħlijiet artistiċi li jinħolqu se jittellgħu għall-wiri f’għadd ta’ festivals u postijiet, fejn il-parteċipanti ewlenin se jaqsmu l-esperjenzi rilevanti tagħhom.
Il-Ħabib Tiegħi Will – Aġenzija Appoġġ
Proġett li jħaddem it-teatru bħala mezz biex iħeġġeġ żgħażagħ minn kuntesti soċjali partikulari jużaw lil Shakespeare, l-istorja tiegħu, u l-istejjer tiegħu – sabiex jirrikostruwixxu n-narrattivi tal-grupp ewlieni stess, li mbagħad se jaqsmu ma’ sħabhom. Il-proċess teatrali u narrattiv huwa maħsub biex iservi bħala komunità ta’tagħlim u esperjenza kulturali fih innifsu. Fit-tieni fażi, il-parteċipanti se jtellgħu x-xogħol li jkunu għadhom qed jaħdmu fuqu, għal udjenza ta’ studenti u komunitajiet partikulari.
BENG: Boldly Exploring Navigating inGenuity – Youtheme Foundation
Proġett maħsub biex ilaqqa’ għadd ta’ żgħażagħ li ħarġu mill-iskola sekondarja kmieni, u joffrilhom opportunità jagħmlu kuntatti ġodda u jitgħallmu ħiliet ġodda – marbuta mal-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ġenerazzjoni tal-ideat, il-mezzi diġitali, ir-riċerka, u l-komunikazzjoni. Ix-sogħol li jinħoloq se jiġi ddisseminat, bl-għan li jnebbaħ u jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ żgħażagħ oħra fis-soċjetà, permezz tal-kreattività u l-arti.
Tfal tal-Port – Film Grain Foundation
Proġett edukattiv maħsub biex irawwem grupp ta’ teenagers mix-xaqliba tal-Port il-Kbir bi drawwa kreattiva. Permezz ta’ interazzjoni ma’ għadd ta’ professjonijisti fil-qasam tal-film, il-parteċipanti se jingħataw l-opportunità jifhmu d-dinamiċi tal-film, u jitgħallmu kif jistgħu jirrakkuntaw l-istejjer tagħhom stess. It-teenagers se jitħarrġu u jitrawmu biex jesploraw, jiżviluppaw, u jipproduċu tliet dokumentarji qosra oriġinali – li jiffukaw fuq temi soċjali u kulturali pertinenti, li jintgħażlu mill-parteċipanti nfushom. Id-dokumentarji se jintwerew f’lokalitajiet varji madwar il-port, kif ukoll fuq it-televixin lokali, u anki jittellgħu online. Il-proġett huwa maħsub biex jagħti spinta lill-parteċipanti, billi jtihom il-kunfidenza jesprimu ruħhom, u jesponihom għal-ideat u possibbilitajiet ġodda – bil-fehma li, l-film għandu s-setgħa jgħin biex jingħelbu l-barrieri kulturali u soċjali, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp kulturali fuq medda twila ta’ żmien.