Bernard Grech ma kienx jaf iwieġeb dwar it-talba tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Fast Ferry minn Għawdex jibda jieqaf Baħar iċ-Ċagħaq.
Post fejn mhux ċentru ta’ popolazzjoni bħal ma huma postijiet oħra, bħall-Kottonera u l-Belt. Iżda meta mistoqsi minn ONE News dwar id-dettalji wara din it-talba li ngħaddet fi preżentazzjoni dwar it-turiżmu mill-Partit li jmexxi, Bernard Grech deher issummat.
Saħansitra spiċċa jgħidilna li kien diġà weġibna meta lanqas kien għadu indirizza l-mistoqsija tagħna. Huwa kien mistoqsi speċifikament jekk il-Partit Nazzjonalista hux jitlob li jkun il-Fast Ferry minn Għawdex għall-Belt, li jibda jagħmel waqfa f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Għall-evażjoni tal-mistoqsija min-naħa ta’ Bernard Grech u r-rifjut kontinwu tiegħu li jagħti dettalji dwar talba li għamel hu stess u l-Partit li jmexxi, il-ġurnalist ta’ ONE News innota n-nuqqas ta’ għarfien ta’ Bernard Grech dwar talba li għamel hu stess.
Kien hawnhekk fejn Grech spiċċa jgħid li mhux ser jagħti iżjed dettalji dwar din it-talba dwar il-Fast Ferry. Dan għalkemm b’pompa liema bħalha, ġmielu jtenni li għandu ħafna ideat maħsuba għas-settur tat-turiżmu u li l-Partit Nazzjonalista dwarhom ippreżenta rapport. Iżda meta mitlub jissostanzja lir-rapport dwar it-turiżmu, Bernard Grech iddegradah għal lista ta’ kunċetti proposti fl-ajru u bi tweġiba sinonima mal-eks Kap Simon Busuttil qalilna biss li d-dettalji ser jgħiduhom aktar ’il quddiem.